这是indexloc提供的服务,不要输入任何密码
Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023X0417(02)

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor (Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023.)

PUB/2023/434

ĠU L 102, 17.4.2023, pp. 88–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/88


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

tal-24 ta’ Marzu 2023

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor (1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, jirregolaw l-obbligi ta’ kontroll tas-sussidji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni b’mod ġenerali u jiżguraw kondizzjonijiet ekwi bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.

L-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor jeżisti separatament minn dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Qafas ta’ Windsor jirrifletti kemm l-aċċess uniku tal-Irlanda ta’ Fuq għas-suq intern tal-Unjoni kif ukoll il-post integrali tagħha fis-suq intern tar-Renju Unit. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor jenħtieġ li jinftiehem bħala rilevanti biss għall-kummerċ ta’ merkanzija jew fis-suq tal-elettriku (minn hawn ’il quddiem imsejħa merkanzija) bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor.

Fis-17 ta’ Diċembru 2020, l-Unjoni għamlet id-dikjarazzjoni unilaterali segwenti fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika: “Meta tapplika l-Artikolu 107 TFUE għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Art. 10(1) tal-Protokoll, il-Kummissjoni Ewropea ser tqis kif xieraq il-post integrali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit. L-Unjoni Ewropea tissottolinja li, fi kwalunkwe każ, effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għal dan il-Protokoll ma jistax ikun sempliċiment ipotetiku, preżunt, jew mingħajr rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq. Għandu jiġi stabbilit għaliex il-miżura jkun jista’ jkollha tali effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni, abbażi tal-effetti reali prevedibbli tal-miżura.”.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor tibni fuq id-Dikjarazzjoni Unilaterali tal-Unjoni, li tafferma l-post tal-Irlanda ta’ Fuq fis-suq intern tar-Renju Unit, u fl-istess ħin tiżgura li s-suq intern tal-Unjoni jkun protett. Hija tikkjarifika l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor li jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi partikolari li fihom x’aktarx tkun involuta meta jingħataw sussidji fir-Renju Unit, u tista’ tintuża għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

Sabiex miżura titqies li għandha rabta ġenwina u diretta mal-Irlanda ta’ Fuq u b’hekk ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Unjoni li huwa soġġett għall-Qafas ta’ Windsor, din il-miżura jeħtieġ li jkollha effetti reali prevedibbli fuq dak il-kummerċ. Jenħtieġ li l-effetti reali prevedibbli rilevanti jkunu materjali, u mhux biss ipotetiċi jew preżunti.

Għall-miżuri mogħtija lil kwalunkwe benefiċjarju li jinsab fil-Gran Brittanja, il-fatturi rilevanti għall-materjalità jistgħu jinkludu d-daqs tal-impriża, id-daqs tas-sussidju, u l-preżenza fis-suq tal-impriża fis-suq rilevanti fl-Irlanda ta’ Fuq. Filwaqt li s-sempliċi tqegħid ta’ merkanzija fis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq mhuwiex biżżejjed, waħdu, biex jirrappreżenta rabta diretta u ġenwina li tinvolvi l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor, il-miżuri li jingħataw lill-benefiċjarji li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq huma aktar probabbli li jkollhom effetti materjali.

Għall-miżuri mogħtija lil kwalunkwe benefiċjarju li jinsab fil-Gran Brittanja li għandhom effett materjali, irid jintwera wkoll li l-benefiċċju ekonomiku tas-sussidju jingħadda kompletament jew parzjalment lil impriża fl-Irlanda ta’ Fuq, jew permezz tal-merkanzija rilevanti mqiegħda fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, pereżempju permezz ta’ bejgħ taħt il-prezz tas-suq, biex ikun hemm rabta diretta u ġenwina li tinvolvi l-Artikolu 10(1) tal-Qafas ta’ Windsor.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit ser jistabbilixxu fil-gwida rispettiva tagħhom iċ-ċirkostanzi li fihom ser japplika l-Artikolu 10 tal-Qafas ta’ Windsor, filwaqt li jipprovdu aktar dettall biex kemm dawk li jagħtu l-miżuri kif ukoll in-negozji madwar ir-Renju Unit ikunu jistgħu joperaw b’aktar ċertezza.


(1)  Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023.


Top