这是indexloc提供的服务,不要输入任何密码
Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12006M/TXT

It-Trattat dwar l−Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata 2006)

ĠU C 321E, 29.12.2006, pp. 5–36 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2006/oj

12006M/TXT

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (verżjoni konsolidata) - Test tat-Trattat

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0005 - 0036
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0005 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0145 - Consolidated version


VERŻJONI KONSOLIDATA

TAT-TRATTAT

DWAR L-UNJONI EWROPEA

WERREJ

TEST TAT-TRATTAT

Preamboli …

TITOLU I — Disposizzjonijiet komuni …

TITOLU II — Disposizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika ewropea bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-Komunità Ewropea …

TITOLU III — Disposizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar …

TITOLU IV — Disposizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika …

TITOLU V — Disposizzjonijiet dwar politika barranija u ta' sigurtà komuni …

TITOLU VI — Disposizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni …

TITOLU VII — Disposizzjonijiet dwar kooperazzjoni msaħħa …

TITOLU VIII — Disposizzjonijiet finali …

PROTOKOLLI

WERREJ

A. Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea

— Il-Protokoll (no 1) dwar l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (1997)

B. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

— Il-Protokoll (no 2) li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea (1997)

— Il-Protokoll (no 3) dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda (1997)

— Il-Protokoll (no 4) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda (1997)

— Il-Protokoll (no 5) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka (1997)

C. Protokolli Annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewopea, t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea dwar l-Enerġija Atomika

— Protokoll (Nru 6) dwar l-Istatut tal-Qorti ta' Ġustizzja (2001)

— Protokoll (Nru 7) Anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea (1992)

— Protokoll (Nru 8) dwar il-lokalità tas-sede ta' l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u l-Europol (1997)

— Protokoll (Nru 9) dwar ir-rwol ta' Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea (1997)

— Protokoll (Nru 10) dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea (2001)

D. Protokolli Annessi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea

— Protokoll (Nru 11) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (1957)

— Protokoll (Nru 12) dwar l-Italja (1957)

— Protokoll (Nru 13) dwar merkanzija li toriġina u tiġi minn ċerti pajjiżi u li tgawdi trattament speċjali meta impurtata fi Stat Membru (1957)

— Protokoll (Nru 14) li jikkonċerna l-importazzjonijiet fil-Komunità Ekonomika Ewropea ta' prodotti petrolifiċi irfinati fl-Antilles ta' l-Olanda (1962)

— Protokoll (Nru 15) dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja (1985)

— Protokoll (Nru 16) dwar l-akkwist tal-proprjetà fid-Danimarka (1992)

— Protokoll (Nru 17) dDwar l-Artikolu 141 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea (1992)

— Protokoll (Nru 18) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (1992)

— Protokoll (Nru 19) dwar l-Istatut ta' l-Istitut Monetarju Ewropew (1992)

— Protokoll (Nru 20) dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (1992)

— Protokoll (Nru 21) fuq il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (1992)

— Protokoll (Nru 22) dwar id-Danimarka (1992)

— Protokoll (Nru 23) fuq il-Portugall (1992)

— Protokoll (Nru 24) dwar it-transizzjoni għat-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (1992)

— Protokoll (Nru 25) fuq ċerti disposizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (1992)

— Protokoll (Nru 26) dwar ċerti disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka (1992)

— Protokoll (Nru 27) dwar Franza (1992)

— Protokoll (Nru 28) fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali (1992)

— Protokoll (Nru 29) dwar l-asil għal ċittadini ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (1997)

— Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità (1997)

— Protokoll (Nru 31) dwar ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-qsim tal-fruntieri esterni (1997)

— Protokoll (Nru 32) dwar is-sistema tax- xandir pubbliku fl-Istati Membri (1997)

— Protokoll (Nru 33) dwar il-protezzjoni u l-benessri ta' l-annimali

— Protokoll (Nru 34) dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-fond tar-riċerka għall-faħam u l-azzar. (2001)

— Protokoll (Nru 35) dwar l-Artikolu 67 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (2001)

E. Protokoll anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea dwar l-Enerġija Atomika

— Protokoll (Nru 36) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (1965)

IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TAL-BEJĠJANI, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAD-DANIMARKA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TA' SPANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TA' L-IRLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-ALTEZZA RJALI TIEGĦU L-GRAN DUKA TAL-LUSSEMBURGU, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAL-GRAN BRITTANNJA U L-IRLANDA TA' FUQ [1],

DEĊIŻI li jirreġistraw stadju ġdid fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li daħlu għalih bl-istabbiliment tal-Komunitajiet Ewropej,

IFAKKRU l-importanza storika li jtemmu l-qasma tal-kontinent Ewropew u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sisien sodi għall-bini ta' l-Ewropa tal-ġejjieni,

JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-libertà, demokrazija u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u lejn l-istat tad-dritt,

JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali fundamentali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea iffermata f’Torin fit- 18 ta’ Ottubru 1961 u fil-Karta Ewropea tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,

XEWQANA li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom,

XEWQANA li jkomplu jkabbru il-funzjonament demokratiku u effiċjenti ta' l-istituzzjonijiet biex igħinuhom iwettqu aħjar, fi kwadru istituzzjonali wieħed, kull ħidma fdata lilhom,

DEĊIŻI li jakkwistaw it-tisħiħ u l-konverġenza ta' l-ekonomiji tagħhom u li jistabbilixxu unjoni ekonomika u monetarja li tinkludi, skond id-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat, valuta waħda u stabbli,

DETERMINATI li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, li jieħdu kont tal-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli u fil-kuntest tar-realizzazzjoni tas-suq intern u tat-tisħieħ tal-koeżjoni u tal-protezzjoni ambjentali, u għall-implimentazzjoni tal-politika li tassigura li l-avvanzi fl-integrazzjoni ekonomika jkunu akkompanjati bil-progress parallel f’oqsma oħra,

DEĊIŻI li jistabbilixxu ċittadinanza komuni għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tagħhom,

DEĊIŻI li jimplimentaw politika barranija u ta’ sigurtà komuni inkluża l-formolazzjoni ta' politika komuni dwar id-difiża, li tista' twassal għal difiża komuni skond id-disposizzjonijiet ta’ Artikolu 17, u b’hekk isaħħu l-identità Ewropea u l-independenza tagħha sabiex jinkoraġixxu l-paċi, sigurtà u progress fl-Ewropa u fid-dinja,

DEĊIŻI li jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’persuni, waqt li jassiguraw il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tagħhom, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skond id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat,

DEĊIŻI li jissuktaw il-proċess li joħloq għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta' l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun fil-qrib taċ-ċittadin skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà,

In vista tal-passi ulterjuri li ser jittieħdu biex timxi 'l quddiem l-integrazzjoni Ewropea,

IDDEĊIDEW li jistabbilixxu Unjoni Ewropea u għal dan il-għan innominaw bħala plenipotenzjarji tagħhom:

(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)

LI, wara li skambjaw il-plenipoteri tagħhom li kienu sewwa u fil-forma dovuta, ftehmu dan li ġej:

TITOLU 1

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Permezz ta’ dan it-Trattat, Il-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA qegħdin jistabbilixxu bejniethom l-UNJONI EWROPEA, hawn iżjed ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni".

Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin.

L-Unjoni ser tiġi stabbilita fuq il-Komunitajiet Ewropej, b’żieda ta’ linji politiċi u forom ta’ kooperazzjoni stabbiliti permezz ta’ dan it-Trattat. Ix-xogħol tagħha ser ikun dak li torganizza, b’mod li jixhed konsistenza u solidarjetà, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom.

Artikolu 2

L-Unjoni għandu jkollha dawn il-miri:

- li tippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali u livell għoli ta’ mpieg u li tilħaq żvilupp bilanċjat u sostenibbli, partikolarment bil-ħolqien ta’ spazju mingħajr fruntieri interni, permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u permezz ta' l-istabbiliment ta' unjoni ekonomika u monetarja, li ultimament tinkludi munita unika skond id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat;

- li tafferma l-identità tagħha fix-xena internazzjonali, partikolarment permezz ta' l-implementazzjoni ta’ politika barranija u ta' sigurtà komuni li tinkludi id-definizzjoni progressiva ta’ politika ta' difiża komuni, li tista twassal għal difiża komuni, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17; li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-persuni ta’ ċittadinanza ta’ l-Istati Membri permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni;

- li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu ta’ persuni jkun assigurat flimkien ma' miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda il-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità;

- li timmantjieni l-acquis communautaire fl-intier tiegħu u tibni fuqu bl-iskop li tesplora sa fejn il-politika u l-forom ta’ kooperazzjoni introdotti b’dan it-Trattat jista' jkun hemm bżonn li jiġu riveduti bil-ħsieb li jassiguraw l-effettività tal-mekkaniżmi u ta' l-Istituzzjonijiet tal-Komunità;

L-objettivi ta' l-Unjoni għandhom jintlaħqu skond id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u skond il-kondizzjonijiet u l-kalendarju stabbilit hemmhekk waqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif definit f’Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 3

L-Unjoni għandha tinqeda b’qafas istituzzjonali wieħed li għandu jassigura l-konsistenza u l-kontinwità ta’ l-attivitajiet li teżerċita sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tagħha filwaqt li tirrispetta u tibni fuq l-acquis communautaire.

L-Unjoni għandha tassigura partikolarment l-konsistenzà globali fl-attivitajiet esterni tagħha fil-kuntest tal-politika tagħha ta' relazzjonijiet barranin, sigurtà, ekonomija u żvilupp. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli biex jassiguraw din il-konsistenza f'dan ir-rigward u għandhom jikooperaw għal dan l-iskop. Huma għandhom jassiguraw l-implementazzjoni ta' dawn il-linji politiċi skond is-setgħat rispettivi tagħhom.

Artikolu 4

Il-Kunsill Ewropew għandu jagħti lill-Unjoni l-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi l-orjentamenti politiċi ġenerali tagħha.

Il-Kunsill Ewropew għandu jlaqqa’ flimkien il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern ta’ l-Istati Membri u il-President tal-Kummissjoni. Huma jkunu megħjunin mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta’ l-Istati Membri u minn Membru tal-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew għandu jiltaqa’ għall-anqas darbtejn fis-sena, taħt il-presidenza tal-Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern ta’ l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill.

Il-Kunsill Ewropew għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew rapport wara kull waħda mil-laqgħat li jsiru u rapport annwali bil-miktub dwar il-progress li jkun inkiseb mill-Unjoni.

Artikolu 5

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti ta’ l-Awdituri għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom taħt il-kondizzjonijiet u għall-iskopijiet previsti, minn-naħa l-waħda, mid-disposizzjonijiet tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u t-Trattati sussegwenti u l-Atti li jimmodifikaw u jissuplimentawhom u, minn naħa l-oħra, mid-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat.

Artikolu 6

1. L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ liberta', demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

2. L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fondamentali ffirmat f’Ruma fl- 4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

3. L-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali ta' l-Istati Membri tagħha.

4. L-Unjoni għandha tikseb għaliha nnifisha l-meżżi neċessarji biex tilħaq dawn l-għanijiet u twettaq il-politika tagħha.

Artikolu 7

1. Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’ maġġoranza ta’ erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 6(1), u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa lil dak l-Istat. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u, skond l-istess proċedura, jista’ jqabbad persuni indipendenti biex jissottomettu fi żmien raġonevoli rapport dwar is-sitwazzjoni fl-Istat Membru in kwistjoni.

Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2. Il-Kunsill, f’laqgħa fil-livell tal-Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern, u waqt li jkun jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta ta’ terz ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6(1), wara li jkunu stieden lill-Gvern ta’ l-Istat Membru in kwistjoni biex iressaq is-sottomissjonijiet tiegħu.

3. Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċidi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista’ jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni legali u naturali.

L-obbligi ta’ l-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu minn dan it-Trattat jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat

4. Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’, sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu taħt il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet biex dawn ikunu ttieħdu.

5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tar-rappreżentant tal-gvern ta’ l-Istat Membru inkwistjoni. L-astensjoni tal-membri preżenti jew rappreżentati ma twaqqafx l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Maġġoranza kwalifikata tfisser dak l-istess proporzjon tal-voti peżati tal-membri tal-Kunsill relattivi kif stabbilit fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Dan il-paragrafu jkun jgħodd ukoll fil-każ li d-dritt tal-vot jiġi sospiż b’mod konformi mal-paragrafu 3.

6. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, li tkun tirrappreżenta l-maġġoranza tal-Membri tiegħu.

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET LI JEMENDAW IT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITA EKONOMIKA EWROPEA BIL-ĦSIEB LI TIĠI STABBILITA L-KOMUNITA EWROPEA

Artikolu 8

(mhux riprodott)

TITOLU III

ID-DISPOSIZZJONIJIET LI JEMENDAW IT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-FAĦAM U L-AZZAR

Artikolu 9

(mhux riprodott)

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET LI JEMENDAW IT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITA EWROPEA DWAR L-ENERĠIJA ATOMIKA

Artikolu 10

(mhux riprodott)

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET DWAR POLITIKA BARRANIJA U TA' SIGURTA KOMUNI

Artikolu 11

1. L-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplementa politika barranija u ta' sigurtà komuni li tkopri l-oqsma tal-politika barranija u ta' sigurtà, li l-objettivi tagħha għandhom ikunu:

- li tissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali u l-indipendenza ta' l-Unjoni u l-integrità ta' l-Unjoni konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

- li ssaħħaħ is- siġurtà ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri tagħha b'kull mod;

- li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-prinċipji ta' l-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-objettivi tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni;

- li tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali

- li tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija u s-supremazija tal-liġi, u r-rispett tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali.

2. L-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà ta' l-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka.

L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jtejbu u jiżviluppaw is-solidarjetà politika reċiproka tagħhom. Għandhom joqgħodu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi ta' l-Unjoni jew li x'aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b' koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kunsill għandu jassigura li dawn il-prinċipji jiġu segwiti.

Artikolu 12

L-Unjoni għandha issegwi l-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 11 billi:

- tiddefinixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida ġenerali għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni;

- tiddeċiedi dwar strateġiji komuni;

- tadotta azzjonijiet konġunti;

- tadotta pożizzjonijiet komuni;

- issaħħaħ sistematikament il-kooperazzjoni bejn Stati Membri fit-twettiq tal-politika.

Artikolu 13

1. Il-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-prinċipji u l-linji ta’ gwida ġenerali għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni, inklużi materji b' implikazzjonijiet għad-difiża.

2. Il-Kunsill Ewropew għandu jiddeċiedi dwar strateġiji komuni li għandhom ikunu implimentati mill-Unjoni fl-oqsma fejn l-Istati Membri jkollhom interessi importanti komuni.

L-Istrateġiji komuni għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, it-tul ta' żmien u l-meżżi li għandhom ikunu magħmula disponibbli mill-Unjoni u l-Istati Membri.

3. Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jiddefinixxi u jimplementa l-politika barranija u ta' sigurta' komuni fuq il-bażi ta’ linji ta’ gwida ġenerali kif definiti mill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill għandu jirrakkomanda strateġiji komuni lill-Kunsill Ewropew u għandu jimplimenthom, partikolarment billi jadotta azzjonijiet konġunti u pożizzjonijiet komuni.

Il-Kunsill għandu jassigura l-unità, il-konsistenza u l-effettività ta' l-azzjoni mill-Unjoni.

Artikolu 14

1. Il-Kunsill għandu jadotta azzjonijiet konġunti. L-Azzjonijiet konġunti għandhom jaffrontaw sitwazzjonijiet meta l-azzjoni operattiva mill-Unjoni tkun meqjusa bħala meħtieġa. Huma għandhom jistabbilixxu l-objettivi tagħhom, l-iskop, il-meżżi li għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni, jekk meħtieġ it-tul ta' żmien tagħhom, u l-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom.

2. Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi li jkollha effett sostanzjali fuq kwistjoni soġġetta għal azzjoni konġunta, il-Kunsill għandu jirrieżamina l-prinċipji u l-iskopijiet ta' dik l-azzjoni u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Sakemm il-Kunsill ma jaġixxix, tibqa' sseħħ l-azzjoni konġunta.

3. L-Azzjonijiet konġunti għandhom jikkommettu lill-Istati Membri fil-pożizzjonijiet li jadottaw u fit-tmexxija ta' l-attività tagħhom.

4. Il-Kunsill jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti lilu kull proposta xierqa li jkollha x’taqsam mal-politika barranija u ta' sigurtà komuni biex jassigura l-implementazzjoni ta’ azzjoni konġunta.

5. Kull meta jkun hemm pjan biex tiġi adottata pożizzjoni nazzjonali jew biex tittieħed azzjoni nazzjonali fuq azzjoni konġunta, l-informazzjoni għandha tiġi mogħtija kmieni biżżejjed biex tagħti lok, jekk ikun hemm bżonn, għal konsultazzjoni minn qabel fi ħdan il-Kunsill. L-obbligu li tingħata informazzjoni bil-quddiem m’għandux japplika għal miżuri li huma sempliċement trasposizzjoni nazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

6. F'każijiet ta' bzonnijiet imperattivi li joriġinaw minn tibdil fis-sitwazzjoni u fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kunsill, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa bħala materja ta' urġenza wara li jikkunsidraw il-miri ġenerali ta' azzjoni konġunta. L-Istati Membri involuti għandhom jinfurmaw lill-Kunsill immedjatament dwar miżuri bħal dawn.

7. Jekk jinħolqu diffikultajiet maġġuri fl-implimentazzjoni ta' azzjoni konġunta, Stat Membru għandu jirreferihom lill-Kunsill li għandu jiddiskutihom u jfittex soluzzjonijiet xierqa. Dawn is-soluzzjonijiet ma għandhomx imorru kontra l-miri ta' l-azzjoni konġunta jew ifixklu l-effettività tagħha.

Artikolu 15

Il-Kunsill għandu jadotta pożizzjonijiet komuni. Il-Pożizzjonijiet komuni għandhom jiddeffenixxu l-atteġġament ta' l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet komuni.

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw ma' xulxin fi ħdan il-Kunsill dwar kull materja ta’ politika barranija u ta’ sigurtà ta’ nteress ġenerali sabiex jassiguraw li l-influwenza ta' l-Unjoni tkun eżerċitata effettivament kemm jista' jkun possibli permess ta' azzjoni miftiehma u konverġenti.

Artikolu 17

1. Il-politika barranija u ta' sigurtà komuni tinkludi wkoll dik il-ġabra ta’ kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni, inkluża d-definizzjoni progressiva ta’ politika komuni għad-difiża, li tista’ twassal għal difiża komuni, jekk il-Kunsill Ewropew hekk jiddeċiedi. F’dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni bħal din skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-politika ta’ l-Unjoni skond dan l-Artikolu m’ għandhiex tolqot il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurta' u difiża ta’ ċerti Stati Membri, u għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom hija koperta mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO), taħt it-trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kompatibbli mal-politika komuni ta’ sigurta' u difiża stabbilita f’dan il-kuntest.

Id-definizzjoni progressiva ta’ politika għal difiża komuni tkun sostnuta, skond kif jidhrilhom xieraq l-Istati Membri, minn kooperazzjoni bejniethom fil-qasam ta’ l-armamenti.

2. Il-kwistjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu l-operazzjonijiet umanitarji, dawk ta’ salvataġġ, taż-żamma tal-paċi kif ukoll ta’ forzi armati għall-kontroll tal-kriżijiet jew biex iwettqu atti ta’ paċifikazzjoni.

3. Id-deċiżjonijiet li jimplikaw id-difiża li dwarhom jittratta dan l-Artikolu għandhom jittieħdu mingħajr preġudizzju għall-politika u l-obbligi msemmija f’paragrafu 1, it-tieni subparagrafu’.

4. Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jostakolawx l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn żewġ Stati Membri jew iżjed fuq livell bilaterali, fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea tal-Punent (UEP) u n-NATO, b’dan li kooperazzjoni bħal din ma tmurx kontra jew ma timpedixxix dak li huwa provdut f’dan it-Titolu.

5. Bl-iskop li jitwettqu l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, id-disposizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu riveduti skond l-Artikolu 48.

Artikolu 18

1. Il-Presidenza għandha tirrappreżenta lill-Unjoni f'materji li jaqgħu taħt il-politika barranija u ta' siġurtà komuni.

2. Il-Presidenza għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħudha skond dan it-Titolu; f'din il-kapaċità għandha, fil-prinċipju, tesprimi l-pożizzjoni ta' l-Unjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali.

3. Il-Presidenza għandha tkun assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li għandu jeżerċita l-funzjoni ta’ Rappreżentant Għoli għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni.

4. Il-Kummissjoni għandha tkun kompletament assoċjata fil-ħidmiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Il-Presidenza għandha tkun assistita f’dawn il-ħidmiet jekk ikun hemm bżonn mill-Istat Membru li jkun imiss li jokkupa l-Presidenza.

5. Il-Kunsill jista', kull meta jħoss li jkun meħtieġ, jaħtar rappreżentant speċjali li jingħata mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta' politika.

Artikolu 19

1. L-Istati Membri għandhom jikoordinaw l-azzjoni tagħhom f’organizzazzjonijiet internazzjonali u waqt konferenzi internazzjonali. Għandhom isostnu l-pożizzjonijiet komuni f’dawn il-fora.

F’organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali fejn mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw, dawk li jipparteċipaw għandhom isostnu l-pożizzjonijiet komuni.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 u l-Artikolu 14 paragrafu 3, l-Istati Membri rappreżentati f’organizzazzjonijiet internazzjonali jew f'konferenzi internazzjonali li fihom mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw, għandhom iżommu lil dawn ta’ l-aħħar infurmati dwar kull materja ta’ interess komuni.

L-Istati Membri li huma wkoll membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jaħdmu flimkien u jżommu lill-Istati Membri membri l-oħra għal kollox infurmati dwar kollox. L-Istati Membri li huma membri permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà għandhom, fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom, jiżguraw id-difiża tal-pożizzjonijiet u ta' l-interessi ta' l-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tagħhom taħt id-disposizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 20

Il-missjonijiet diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi u konferenzi internazzjonali, u r-rappreżentanti tagħhom f'organizzazzjonijiet internazzjonali, għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-pożizzjonijiet komuni u l-interessi komuni adottati mill-Kunsill jiġu mħarsa u implimentati.

Għandhom iżidu l-kooperazzjoni billi jiskambjaw informazzjoni, jagħmlu stimi konġuntement u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet riferiti fl-Artikolu 20 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 21

Il-Presidenza għandha tikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fondamentali tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni u għandha tiżgura illi l-veduti tal-Parlament Ewropew jittieħdu in kunsiderazzjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat regolarment mill-Presidenza u mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-politika barranija u ta' sigurtà ta' l-Unjoni.

Il-Parlament Ewropew jista' jagħmel mistoqsijiet lill-Kunsill jew jagħmillu rakkommandazzjonijiet. Għandu jkollu dibattitu annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-politika barranija u ta' siġurtà komuni.

Artikolu 22

1. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni jistgħu jirreferu lill-Kunsill kull kwistjoni li għandha x'taqsam mal-politika barranija u ta' sigurtà komuni u jistgħu jissottomettu proposti lill-Kunsill.

2. F'każijiet li jirrikjedu deċiżjoni malajr, il-Presidenza fuq mozzjoni proprja, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni jew ta' Stat Membru, għandha tlaqqa' seduta straordinarja tal- Kunsill fi żmien tmienja u erbgħin siegħa jew, f'każ ta’ emerġenza, fi żmien inqas.

Artikolu 23 [2]

1. Id-Deċiżjonijiet taħt dan it-Titolu għandhom jittieħdu mill-Kunsill li jaġixxi unanimamament. L-Astensjoni minn membri preżenti personalment jew irrapreżentati m’għandhiex timpedixxi l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Meta jastjeni minn xi vot, kull membru tal-Kunsill jista' jikkwalifika l-astensjoni tiegħu billi jagħmel dikjarazzjoni formali skond dan is-subparagrafu. F’dak il-każ, hu ma jkunx obligat li japplika dik id-deċiżjoni, imma għandu jaċċetta li dik id-deċiżjoni tikkommetti lill-Unjoni. Fi spirtu ta’ solidarjetà reċiproka, l-Istat Membru kkonċernat għandu joqgħod lura minn xi azzjoni li aktarx toħloq kunflitt ma', jew tostakola l-azzjoni ta' l-Unjoni li tkun ibbażata fuq dik id-deċiżjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jirrispettaw il-pożizzjoni tiegħu. Jekk il-membri tal-Kunsill li jikkwalifikaw l-astensjoni tagħhom b’dan il-mod jirrapreżentaw aktar minn terz tal-voti peżati skond Artikolu 205 (2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-deċiżjoni m’għandiex tkun adottata.

2. B' deroga mid-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata:

- meta jadotta azzjonijiet konġunti, pożizzjonijiet komuni jew jieħu xi deċiżjonijiet oħra fuq il-bażi ta’ strateġija komuni;

- meta jadotta xi deċiżjoni li timplimenta azzjoni konġunta jew pożizzjoni komuni;

- meta jinħatar rappreżentant speċjali skond l-Artikolu 18(5).

Jekk membru tal-Kunsill jiddikjara li, minħabba raġunijiet importanti u indikati ta’ politika nazzjonali, hu jkollu l-intenzjoni li jopponi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħudha b’maġġoranza kwalifikata, il-vot m’għandux jittieħed. Il-Kunsill jista', b’maġġoranza kwalifikata, jitlob li l-materja tkun riferita lill-Kunsill Ewropew għal deċiżjoni unanima.

Il-voti tal-Membri tal-Kunsill għandhom ikunu peżati skond l-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Biex jiġu adottati, id-deċiżjonijiet għandhom jeħtieġu mill-anqas 232 vot favur, espress mill-anqas minn żewġ-terzi tal-membri. Meta deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista' jitlob verifika li l-Istati Membri li jifformaw il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-anqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni. Jekk jintwera li dik il-kondizzjoni ma tkunx sodisfatta, id-deċiżjoni msemmija ma għandhiex tiġi adottata.

Dan il-paragrafu m’għandux japplika għal deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża.

3. Għar-rigward tal-kwistjonijiet ta' proċedura, il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza tal-membri tiegħu.

Artikolu 24

1. Meta jkun meħtieġ li jsir ftehim ma’ Stat wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex jitwettaq dan it-Titolu, il-Kunsill jista’ jawtorizza’ l-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni jekk ikun il-każ, biex tibda’ negozjati f’dan is-sens. Ftehim bħal dan għandu jsir mill-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Presidenza.

2. Il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament meta l-ftehim ikun ikopri materja li għaliha l-unanimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet interni.

3. Meta l-ftehim ikun intiż biex tiġi implimentata azzjoni konġunta jew pożizzjoni komuni, Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata skond l-Artikolu 23(2).

4. Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw bl-istess mod għall-materji li jaqgħu taħt it-Titolu VI. Meta l-ftehim ikun ikopri materja li għaliha tkun meħtieġa maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet jew miżuri interni, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata skond l-Artikolu 34(3).

5. Ebda ftehim ma jorbot lil Stat Membru li r-rappreżentant tiegħu fil-Kunsill jiddikjara li l-Istat jeħtieġ jaderixxi mar-regoli tal-proċeduri kostituzzjonali tiegħu; il-membri l-oħra tal-Kunsill jistgħu jaqblu, madankollu, li l-ftehim għandu japplika b’mod proviżorju.

6. Kull ftehim li jsir taħt il-kondizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni

Artikolu 25

Bla preġudizzju għall-Artikolu 207 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Kumitat ta’ Politika u Sigurtà għandu jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ dawk l-oqsma li huma koperti bil-politika barranija u ta' sigurtà komuni u għandu jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ linji politiċi billi jagħti opinjonijiet lill-Kunsill fuq it-talba tal-Kunsill jew b’inizjattiva tiegħu stess. Għandu jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni tal-linji politiċi miftiehma, bla preġudizzju għar-responsabilta' tal-Presidenza u tal-Kummissjoni.

Fl-ambitu ta’ dan it-Titolu, dan il-Kumitat għandu jeżerċita, taħt is-sorveljanza tal-Kunsill, kontroll politiku u direzzjoni strateġika f’operazzjonijiet għall-kontroll ta' kriżijiet.

Il-Kunsill jista’ jawtorizza lill-Kumitat, għall-iskop u għaż-żmien ta’ l-operazzjoni biex issolvi l- kriżi, kif jiġi deċiż mil-Kunsill, biex jieħu d-deċiżjonijiet xierqa rigward il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-operazzjoni, bla preġudizzju għall-Artikolu 47.

Artikolu 26

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni, għandu jgħin lill-Kunsill f’materji li jkunu ġejjin mill-iskop tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni, partikolarment billi jikkontribwixxi fil-formulazzjoni, preparazzjoni u implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta' politika, u, fejn xieraq u filwaqt li jaġixxi f’isem il-Kunsill fuq talba mill-Presidenza, billi jżomm ħaj djalogu politiku ma' partijiet terzi.

Artikolu 27

Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata totalment max-xogħol imwettaq fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni.

Artikolu 27A

1. Il-kooperazzjoni msaħħa f’xi wieħed mill-oqsma msemmija f’dan it-titolu tkun immirata biex tħares il-valuri u taqdi l-interessi ta’ l-Unjoni bħala ħaġa waħda billi tasserixxi l-identita’ tagħha bħala forza koerenti fix-xena internazzjonali. Din għandha tirrispetta:

- l-prinċipji, il-miri, il-linji ta' gwida ġenerali u l-koerenza tal-politika barranija u ta' sigurta' komuni u d-deċiżjonijiet meħuda fl-ambitu ta’ din il-politika;

- il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea u

- l-koerenza bejn il-politika ta’ l-Unjoni u l-attivitajiet esterni tagħha.

2. L-Artikolu 11 sa 27 u l-Artikolu 27b sa 28 għandhom jgħoddu għall-kooperazzjoni msaħħa kif hemm provdut f’dan l-Artikolu, salv kif provdut mod ieħor fl-Artikolu 27c u fl-Artikoli 43 sa 45

Artikolu 27B

Il-kooperazzjoni msaħħa skond dan it-Titolu għandha tkun relatata ma’ l-implimentazzjoni ta’ azzjoni konġunta jew ma’ pożizzjoni komuni. Din m’għandhiex tkun relatata ma’ ħwejjeġ li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża.

Artikolu 27C

Stati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa taħt dan l-Artikolu 27b għandhom jagħmlu talba għal daqshekk lill-Kunsill.

It-talba għandha tintbagħat lill-Kummissjoni u għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha partikolarment dwar jekk il-kooperazzjoni msaħħa tkunx koerenti mal-politika ta’ l-Unjoni. L-Awtorizzazzjoni tingħata mill-Kunsill, li jaġixxi skond it-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(2) u b’konformità ma’ l-Artikolu 43 sa 45.

Artikolu 27D

Bla preġudizzju għall-poteri tal-Presidenza jew tal-Kummissjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, bħala rappreżentant għoli għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni, għandu jiżgura b’mod partikolari illi l-Parlament Ewropew u l-membri kollha tal-Kunsill jinżammu informati għal kollox dwar l-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni.

Artikolu 27E

Kull Stat Membru li jkun jixtieq jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa stabbilita skond l-Artikolu 27ċ għandu jgħarraf bl-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-Kunsill fi żmien tliet xhur mid-data tar-riċevuta ta’ din in-notifika. Fi żmien erba’ xhur mid-data tar-riċevuta ta’ dik in-notifika, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni dwar it-talba u dwar l-arranġamenti speċifiċi li jidhirlu li jkunu meħtieġa. Id-deċiżjoni titqies li ttieħdet, sakemm il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata matul l-istess perjodu, ma jiddiċedix li jżommha sospiza; f’dak il-każ il-Kunsill għandu jiddikjara x’ikunu r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni u jiffissa data sa meta għandu jerġa’ jezaminha.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-maġġoranza kwalifikata għandha titqies bħala l-istess proporzjon ta’ voti peżati u l-istess proporzjon tan-numru tal-membri konċernati fil-Kunsill kif previst fit-tielet subparagrafu ta’ Artikolu 23(2).

Artikolu 28

1. Id-disposizzjonijiet msemmija fl-Artikoli 189, 190, 196 sa 199, 203, 204, 206 sa 209, 213 sa 219, 255 u 290 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom japplikaw għad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma msemmija f'dan it-Titolu.

2. L-ispiża amministrattiva li tinqala' minħabba d-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma' l-oqsma imsemmija f’dan it-Titolu għall-istituzzjonijiet għandha titħallas mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-Ispiża operattiva li għandha x’taqsam ma' l-implementazzjoni ta’ dawk id-disposizzjonijiet għandha wkoll titħallas mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej, ħlief għal dik l-ispiża li toriġina minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew tad-difiża u minn każijiet fejn il-Kunsill li jaġixxi unanimament jiddeċiedi mod ieħor.

F'każijiet fejn l-ispiża ma tkunx imħallsa mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej din għandha titħallas mill-Istati Membri skond l-iskala tal-prodott gross domestiku, sakemm il-Kunsill li jaġixxi unanimament ma jiddeċidiex mod ieħor. F’dak li jirrigwarda l-ispiża li tinħoloq minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, l-Istati Membri li r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill ikunu għamlu dikjarazzjoni formali skond l-Artikolu 23 (1), it-tieni subparagrafu, m’għandomx ikunu obbligati li jikkontribwixxu għal dan l-iffinanzjar.

4. Il-proċedura tal-budget kif stabbilita fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandha tapplika għall-ispiża li trid titħallas mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej.

TITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR KOOPERAZZJONI FL-OQSMA TAL-ĠUSTIZZJA U L-AFFARIJIET INTERNI

Artikolu 29

Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Komunità Ewropea, il-mira ta' l-Unjoni għandha tkun li jipprovdu liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurtà fl-ambitu ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi tiżviluppa azzjoni komuni fost l-Istati Membri fl-oqsma ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali u billi tipprevjeni u tiġġieled ir-razziżmu u l-kżenofobija.

Dik il-mira għandha tkun milħuqha bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, organizzata jew le, u partikolarment it-terroriżmu, it-traffikar ta’ persuni u offiżi kontra t-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ drogi u t-traffikar illeċitu ta’ armi, il-korruzzjoni u l-frodi, permezz ta’:

- il-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-forzi tal-pulizija, l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti oħra fl-Istati Membri, kemm direttament u wkoll permezz ta' l-Uffiċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 30 u 32;

- -kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet oħra kompetenti ta’ l-Istati Membri, inkluża l-kooperazzjoni permezz ta’ l-Enti Ewropea għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 31 u 32;

- l-approssimazzjoni, fejn meħtieġ, ta’ regoli dwar materji kriminali fl-Istati Membri, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31(e).

Artikolu 30

1. L-Azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija għandha tinkludi:

(a) il-kooperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-pulizija, id-dwana u servizzi speċjalizzati għall-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif issir il-prevenzjoni kif jinstabu u jiġu investigati ir-reati.

(b) il-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi, l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni miżmuma mis-servizzi ta' l-applikazzjoni tal-liġi dwar rapporti fuq operazzjonijiet finanzjarji suspettużi, partikolarment permess ta' l-Europol, suġġetti għad-disposizzjonijiet xierqa dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali;

(ċ) il-kooperazzjoni u l-inizjattivi konġunti fit-tħarriġ, skambju ta’ uffiċjali li jżommu kuntatt, l-issekondar, l-użu ta’ tagħmir, u r-riċerka forensika;

(d) l-eżami komuni tat-teknika investigattiva partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif jiġu mikxufa forom serji ta’ kriminalità organizzata.

2. Il-Kunsill għandu jippromwovi il-kooperazzjoni permezz ta' l-Europol u għandu partikolarment, matul perijodu ta’ ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam:

(a) iqiegħed lill-Europol fil-pożizzjoni li jiffaċilita u jsostni il-preparazzjoni, u li jinkoraġixxi l-koordinament u t-twettieq, ta’ azzjonijiet investigattivi speċjali mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, inklużi azzjonijiet operattivi għal gruppi konġunti li jkunu magħmula minn rapreżentanti ta' l-Europol bħala sostenn;

(b) jadotta miżuri li jippermettu lill-Europol li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jmexxu u jikkoordinaw l-investigazzjonijiet tagħhom f’każi speċifiċi u li jiżvilupaw l-ispeċjalizzazzjonijiet speċjali li jitqiegħedu għad-disposizzjoni ta’ Stati Membri biex tgħinhom fl-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ kriminalità organizzata;

(ċ) jinkoraġixxu arranġamenti ta’ kuntatti bejn l-uffiċċjali prosekuturi/investigaturi li jispeċjaliżżaw fil-ġlieda kotra l-kriminalità organizzata b’kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' l-Europol;

(d) jistabbilixxi riċerka, dokumentazzjoni u network statistiku fuq il-kriminalità transkonfinali.

Artikolu 31

1. L-azzjoni komuni f’dik li hija kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja penali għandha tinkludi:

a) li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni bejn il-ministeri u l-awtoritajiet ġudizzjarji jew l-ekwivalenti tagħhom kompetenti fl-Istati Membri, inkluż, fejn xieraq li tikkopera permezz ta’ l-Eurojust, fil-każ ta’ proċedimenti u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet;

b) li tiffaċilita l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri;

ċ) li tiżgura kompatibilità fir-regoli applikabbli fl-Istati Membri, kif jista’ jkun meħtieġ biex tittejjeb din il-kooperazzjoni

d) li tevita konflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri

e) li tadotta progressivament miżuri li jistabbilixxu regoli minimi dwar l-elementi kostitituvi ta’ reati kriminali u dwar sanzjoni fl-oqsma tal-kriminalità organizzata, tat-terroriżmu u tat-traffikar ta’ droga.

2. Il-Kunsill għandu jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni permezz ta’ Eurojust billi:

a) jagħmilha possibli għall-Eurojust li tiffaċilita l-koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-prosekuzzjoni ta’ l-Istati Membri;

b) jippromwovi l-appoġġ mill-Eurojust għal investigazzjonijiet kriminali f’każi ta’ kriminalità gravi ultra-territorjali, partikolarment fil-każ ta’ kriminalità organizzata,fil-waqt li jitqiesu b’mod speċjali, l-analiżi magħmula mill-Europol;

ċ) jiffaċilita kooperazzjoni mil-qrib bejn Eurojust u n-Network Ewropea, speċjalment, biex jiġu tiġi faċilitata l-eżekuzzjoni ta’ ittri rogatorjali u l-implimentazzjoni ta’ talbiet għall-estradizzjoni.

Artikolu 32

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jorbtu lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 30 u 31 meta joperaw fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor b’kuntatt u bi ftehim ma' l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat.

Artikolu 33

Dan it-Titolu m'għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jobbligaw l-Istati Membri għall-manteniment ta' l-ordni pubbliku u l-legalità u li jħarsu s-sigurtà interna.

Artikolu 34 [3]

1. Fl-oqsma msemmija f’dan it-Titolu, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin fil-Kunsill bl-iskop li jikoordinaw l-azzjoni tagħhom. Għal dak l-iskop, huma għandhom jistabbilixxu kollaborazzjoni bejn id-dipartiment relevanti ta' l-amministrazzjonijiet tagħhom.

2. Il-Kunsill għandu jieħu dawk il-miżuri u jinkoraġixxi dik il-kooperazzjoni, juża l-forma xierqa u l-proċeduri kif stabbiliti f’dan it-Titolu, li jikontribwixxu biex jintlaħħqu l-miri ta' l-Unjoni. B'dak l-iskop, billi jaġixxi unanimament fuq l-inizjattiva ta’ xi Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Kunsill jista':

(a) jadotta pożizzjoni komuni li tiddiffenixxi l-atteġġament ta' l-Unjoni għal xi materja partikolari;

(b) jadotta deċiżjonijiet ta' qafas bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta' qafas għandhom jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi. M’għandhomx ikollhom effett dirett;

(ċ) jadotta deċiżjonijiet għal xi skop ieħor konsistenti ma' l-iskopijiet ta’ dan it-Titolu, barra minn approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu jorbtu u m’għandux ikollhom effett dirett; il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fil-livell ta' l-Unjoni;

(d) jistabbilixxi konvenzjonijiet li hu jirrakomanda lill-Istati Membri għal adozzjoni skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jibdew il-proċeduri applikabbli f'terminu ta' żmien li jiġi stabbilit mill-Kunsill.

Sakemm ma jipprovdux mod ieħor, il-konvenzjonijiet għandhom, ladarba adottati mill-anqas minn nofs l-Istati Membri, jidħlu fis-seħħ għal dawk l-Istati Membri. Il-Miżuri li jimplimentaw il-konvenzjonijiet għandhom ikunu adottati fil-Kunsill b’maġġoranza ta’ żewġ-terzi tal-Partijiet Kontraenti.

3. Meta l-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, il-voti tal-membri għandhom ikunu peżati kif stipulat fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u sabiex jiġu adottati l-atti tal-Kunsill għandhom jinħtieġu mill-inqas 232 vot favur, espress minn mill-inqas żewġ-terzi tal-membri. Fejn deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista' jitlob verifika li l-Istati Membri li jifformaw il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-anqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni. Jekk jintwera li dik il-kondizzjoni ma ġietx sodisfatta, id-deċiżjoni msemmija ma għandhiex tiġi adottata.

4. Għar-rigward tal-kwistjonijiet ta' proċedura, il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza tal-membri tiegħu.

Artikolu 35

1. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni, soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta' qafas u deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ konvenzjonijiet stabbiliti taħt dan it-Titolu u dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-miżuri li jimplimentawhom.

2. Permezz ta' dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-firma tat-Trattat ta’ Amsterdam jew fi kwalunkwe żmien ieħor, kull Stat Membru għandu jkun jista' jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari indikati f’paragrafu 1.

3. Stat Membru li jagħmel dikjarazzjoni bis-saħħa tal-paragrafu 2 għandu jispeċifika li jew:

(a) kull qorti jew tribunal ta’ dak l-Istat li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skond il-liġi nazzjonali, ikun jista' jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza preliminari dwar il-kwistjoni sollevata f’każ pendenti quddiemu u li tkun tikkonċerna l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ att imsemmi f’paragrafu 1, jekk il-qorti jew it-tribunal jikkonsidraw li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex jistgħu jagħtu s-sentenza tagħhom, jew

(b) kull qorti jew tribunal ta’ dak l-Istat jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizja li tagħti sentenza preliminari dwar il-kwistjoni sollevata f’każ pendenti quddiemu u li tikkonċerna l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ l-att imsemmi f’paragrafu 1 jekk il-qorti jew it-tribunal jikkonsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista' tagħti verdett.

4. Kull Stat Membru, sew jekk ikun jew ma jkunx għamel dikjarazzjoni skond il-paragrafu 2, għandu jkun intitolat li jagħmel nota tal-fatti dwar il-każ jew nota ta' sottomissjonijiet bil-miktub lill-Qorti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

5. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandux ikollha ġurisdizzjoni li tirrevedi il-validita' jew il-proporzjonalità ta' l-operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew xi servizzi oħra għall-applikazzjoni tal-liġi ta’ xi Stat Membru jew li jeżerċita' r-responsabiltajiet li jkunu obligatorji fuq l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-manteniment ta’ l-ordni u l-liġi u mal-ħarsien tas-sigurtà nterna.

6. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tirrevedi il-legalità ta' deċiżjonijiet ta' qafas u deċiżjonijiet f’azzjonijiet li jkunu tqajmu minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ inkompetenza, ksur tal-forma sostanzjali, ksur ta’ dan it-Trattat jew ta’ xi regola tal-liġi li għandha x’taqsam ma' l-applikazzjoni tiegħu, jew ta’ użu ħażin tal-poteri. Il-proċeduri previsti f’dan il-paragrafu għandhom ikunu istitwiti f' terminu ta' xahrejn mill-publikazzjoni ta’ din il-miżura.

7. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenza dwar kull kwistjoni bejn l-Istati Membri rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ atti adottati taħt l-Artikolu 34 (2) kull meta kwistjoni bħal din ma tkunx tista' tiġi riżolta mill-Kunsill fi żmien sitt xhur minn meta tkun giet riferita lill-Kunsill minn xi wieħed mill-membri tiegħu. Il-Qorti għandu wkoll ikollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenza dwar xi kwistjoni bejn Stati Membri u l-Kummissjoni rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet stabbiliti skond l-Artikolu 34(2)(d).

Artikolu 36

1. Għandu jiġi stabbilit Kumitat ta' Koordinament magħmul minn uffiċjali għolja. Minbarra l-funzjoni ta' koordinament il-kompitu ta' dan il-Kumitat ikun li:

- iressaq opinjonijiet għall-attenzjoni tal-Kunsill, sew b'talba tal-Kunsill jew b'inizjattiva tiegħu stess;

- jikkontribwixxi, bla preġudizzju għall-Artikolu 207 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għall-preparazzjoni tad-diskussjonijiet tal-Kunsill fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 29.

2. Il-Kummissjoni tkun kompletament assoċjata fix-xogħol fl-oqsma msemmija f'dan it-Titolu.

Artikolu 37

Meta jieħdu sehem f'organizzazzjonijiet internazzjonali u f'konferenzi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiddefendu l-pożizzjonijiet komuni li jiġu adottati bis-saħħa tal-provvedimenti ta' dan it-Titolu.

L-Artikoli 18 u 19 għandhom japplikaw kif xieraq għall-materji li jaqgħu taħt dan it-Titolu.

Artikolu 38

Il-ftehim imsemmija fl-Artikolu 24 jistgħu jkopru materji li jaqgħu taħt dan it-Titolu.

Artikolu 39

1. Il-Kunsill għandu jikkonsulta l-Parlament Ewropew qabel jadotta xi miżuri previsti fl-Artikolu 34 (2)(b), (ċ) u (d). Il-Parlament Ewropew għandu jwassal l-opinjoni tiegħu fit-terminu taż-żmien li l-Kunsill jista' jistabbilixxi, li m’għandux ikun anqas minn tlett xhur. Fin-nuqqas ta’ opinjoni fit-terminu ta' żmien, il-Kunsill jista' jaġixxi.

2. Il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew regolarment bid-diskussjonijiet fl-oqsma koperti minn dan it-Titolu.

3. Il-Parlament Ewropew jista' jagħmel mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill. Kull sena għandu jkollu dibattitu dwar il-progress li jkun sar fl-oqsma msemmija f'dan it-Titolu.

Artikolu 40

1. Il-kooperazzjoni msaħħa f’xi waħda mill-oqsma msemmija f’dan it-Titolu għandu jkollha l-iskop li tgħin lill-Unjoni biex tiżviluppa b’aktar ħeffa f’erja ta’ libertà, sigurta' u ġustizzja, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea u l-għanijiet imniżżla f’dan it-Titolu.

2. L-Artikoli 29 sa 39 u l-Artikoli 40a sa 41 japplikaw għall-kooperazzjoni msaħħa kif inhi provduta f’dan l-Artikolu, salv kif inhu mod ieħor provdut fl-Artikoli 40a u fl-Artikoli 43 sa 45.

3. Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea rigward il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu u għall-Artikoli 40a u 40b.

Artikolu 40A

1. L-Istati Membri li jkunu bi ħsiebhom jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom skond l-Artikolu 40 għandhom jagħmlu talba lill-Kummissjoni li tista’ tissottometti proposta lill-Kunsill f’dan is-sens. Jekk ma tagħmilx proposta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri konċernati dwar ir-raġunijiet għala ma tkunx għamlet hekk. Dawn l-Istati Membri mbagħad jistgħu jissottomettu lill-Kunsill inizjattiva intiża biex jiksbu awtorizzazzjoni għall-kooperazzjoni msaħħa in kwistjoni.

2. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi mogħtija, skond l-Artikoli 43 sa 45, mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni jew bl-inizjattiva ta' mill-anqas ta’ tmien Stati Membri, u wara li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew. Il-voti tal-membri tal-Kunsill għandhom ikunu peżati skond l-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Membru tal-Kunsill jista’ jitlob li l-kwistjoni tiġi riferita lill-Kunsill Ewropew. Wara li l-kwistjoni tkun tqajmet quddiem il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill jista’ jaġixxi skond l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 40B

Kull Stat Membru li jkun jixtieq jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa skond l-Artikolu 40a għandu jgħarraf bl-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-Kunsill fi żmien tliet xhur mir-riċevuta ta’ din in-notifika, possibilment flimkien ma’ rakkomandazzjoni dwar xi arranġamenti speċifiċi li jkun jidhrilha meħtieġa biex dan l-Istat Membru jissieħeb fil-kooperazzjoni msemmija. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq it-talba fi żmien erba’ xhur ir-riċevuta ta’ din in-notifika Id-deċiżjoni titqies li tkun ittieħdet sakemm il-Kunsill, li jkun qed jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fi żmien l-istess perjodu, ma jiddeċidix li jżommha sospiża; f’dak il-każ, il-Kunsill għandu jiddikjara r-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet dik id-deċiżjoni u jiffissa data sa meta għandu jerga' jeżaminha.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(1).

Artikolu 41

1. L-Artikoli 189, 190, 195, 196 sa 199, 203, 204, 205(3), 206 sa 209, 213 sa 219, 255 u 290 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom japplikaw għad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma msemmija f'dan it-Titolu.

2. L-ispiża amministrattiva li l-provvedimenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma msemmija f'dan it-Titolu jikkaġunaw lill-istituzzjonijiet għandha tidħol fil-budget tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-Ispiża operattiva li għandha x’taqsam ma' l-implementazzjoni ta’ dawk id-disposizzjonijiet għandha wkoll titħallas mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej, ħlief meta l-Kunsill li jaġixxi unanimament jiddeċiedi mod ieħor. F'każijiet fejn l-ispiża ma tkunx imħallsa mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej din għandha titħallas mill-Istati Membri skond l-iskala tal-prodott gross domestiku, sakemm il-Kunsill li jaġixxi unanimament ma jiddeċidiex mod ieħor.

4. Il-proċedura tal-budget kif stabbilita fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandha tapplika għall-ispiża li trid titħallas mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 42

Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista' jiddeċiedi li azzjoni fl-oqsma imsemmija fl-Artikolu 29 għandha tidħol taħt it-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u li fl-istess ħin jiddetermina il-kondizzjonijiet rilevanti tal-votazzjoni li għandhom x'jaqsmu magħha. Għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw dik id-deċiżjoni skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

TITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET DWAR KOOPERAZZJONI MSAĦĦA

Artikolu 43

L-Istati Membri li jkunu fi ħsiebhom jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom jistgħu jużaw l-istituzzjonijiet, il-proċeduri u l-mekkaniżmi li jinsabu f’dan it-Trattat u fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, basta li l-kooperazzjoni proposta -

(a) tkun tmexxi l quddiem l-għanijiet ta’ l-Unjoni u tal-Komunità, li tipproteġi u li sservi l-interessi tagħhom u li ssaħħaħ il-proċess ta' l-integrazzjoni;

(b) tirrispetta l-imsemmija Trattati u l-qafas istituzzjonali waħdieni ta’ l-Unjoni;

(ċ) tirrispetta l-acquis communautaire u l-miżuri adottati skond id-disposizzjonijiet l-oħra tat-Trattati msemmija;

(d) tibqa’ fil-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew tal-Komunità u ma tidħolx fl-oqsma li huma fil-kompetenza esklusiva tal-Komunità;

(e) ma theddidx is-suq intern kif definit fl-Artikolu 14(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jew il-koeżjoni ekonomika u soċjali stabbilita skond it-Titolu XVII ta’ dak it-Trattat;

(f) ma’ tikkostitwix xkiel jew diskriminazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma ġġibx distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom;

(g) tgħaqqad mill-inqas tmien Stati Membri;

(h) tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha;

(i) ma taffettwax id-disposizzjonijiet tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea;

(j) tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha skond l-Artikolu 43b

Artikolu 43A

Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tkun l-aħħar mezz li għaliha tirrikorri meta fi ħdan il-Kunsill jiġi stabbilit li l-għanijiet ta’ kooperazzjoni bħal din ma jkunux jistgħu jintlaħqu fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet relattivi tat-Trattati.

Artikolu 43B

Meta tkun qed tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa, din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha. Għandha tkun ukoll miftuħa għalihom f’kull żmien, skond l-Artikoli 27e u 40b ta’ dan it-Trattat u l-Artikolu 11a tat-Trattat li jistabbilixxi l-l-Komunità Ewropea, basta joqogħdu għad-deċiżjoni tal-bidu u deċiżjonijiet meħuda f’dik l-istruttura. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa għandhom jiżguraw li jiġu mħajjra jieħdu sehem l-akbar numru possibbli ta’ Stati Membri

Artikolu 44

1. Għall-finijiet ta’ l-adozzjoni ta’ l-atti u d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 43, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet istituzzjonali ta’ dan it-Trattat u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Madankollu, filwaqt li il-membri kollha tal-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-diskussjonijiet, dawk biss li jirrappreżentaw l-Istati Membri f’kooperazzjoni msaħħa jistgħu jieħdu sehem fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Il-maġġoranza kwalifikata għandha tiġi definita bħala l-istess proporzjon tal-voti peżati u l-istess proporzjon tan-numru tal-membri involuti tal-Kunsill, kif hemm spjegat fl-Artikolu 205 (2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, u fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 23(2) ta’ dan it-Trattat rigward kooperazzjoni msaħħa stabbilita a bażi ta’ l-Artikolu 27ċ. L-unanimità tiġi kostitwita bil-voti biss ta’ dawk il-membri involuti tal-Kunsill.

Atti u deċiżjonijiet bħal dawn m’għandhomx jiffurmaw parti mill-acquis ta’ l-Unjoni.

2. L-istati Membri għandhom japplikaw,sa fejn ikollhom x’jaqsmu huma, l-atti u d-deċiżjonijiet adottati għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa li fiha jipparteċipaw Dawn l-atti u deċiżjonijiet jorbtu lil dawk l-Istati Membri biss li jipparteċipaw f’kooperazzjoni bħal din u għandhom ikunu, kif ikun il-każ, direttament applikabbli biss f' dawk l-Istati. Stati Membri li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni bħal din m’għandomx ifixklu l-implimentazzjoni tagħha ill-Istati Membri li jkunu jipparteċipaw.

Artikolu 44A

In-nefqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa, minbarra l-ispejjeż amministrattivi minfuqa mill-istituzzjonijiet, għandha tiġi sottoskritta mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm il-membri tal-Kunsill, b’mod unanimu wara li jkunu kkonsultaw lill-Parlament Ewropew, ma jiddeċidux mod ieħor.

Artikolu 45

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-koerenza fl-attivitajiet magħmula a bażi ta’ dan it-Titolu u l-koerenza ta’ dawn l-attivitajiet mal-politika ta’ l-Unjoni u tal-Komunità u għandhom jikkoperaw għal dan l-iskop.

TITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 46

Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika li jirrigwardaw il-kompetenzi tal-Qorti ta’ Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-eżerċizzju ta’ dawk il-kompetenzi għandhom japplikaw biss għad-disposizzjonijiet li ġejjin:

(a) id-disposizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bl-iskop li tistabbilixxi l-Komunità Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika;

(b) id-disposizzjonijiet tat-Titolu VI, skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35;

(ċ) id-disposizzjonijiet tat-Titolu VII, skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 11 u 11a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 40 ta’ dan it-Trattat;

(d) L-Artikolu 6(2) rigward l-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet, safejn il-Qorti jkollha ġurisdizzjoni skond it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u skond dan it-Trattat;

(e) id-disposizzjonijiet unikament proċedurali ta’ l-Artikolu 7, meta il-Qorti taġixxi fuq talba ta’ l-Istat Membru konċernat fi żmien xahar mid-data tal-konstatazzjoni tal-Kunsill kif provdut f’dan l-Artikolu;

(f) l-Artikoli 46 sa 53.

Artikolu 47

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet li jemendaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bil-mira li tistabbilixxi l-Komunità Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u għal dawn id-disposizzjonijiet finali, ebda ħaġa f'dan it-Trattat m'għandha taffettwa t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew it-Trattati u l-Atti sussegwenti li jimmodifikawhom jew li jissupplimentawhom.

Artikolu 48

Il-Gvern ta' kull Stat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jissottomettu lill-Kunsill proposti biex jiġu emendati t-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni.

Jekk il-Kunsill, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, u fejn jixraq, lill-Kummissjoni, jagħti opinjoni li tkun favur li tissejjaħ konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, dik il-konferenza tissejjaħ mill-President tal-Kunsill bl-iskop li jiġu deċiżi bil-kunsens l-emendi li għandħom isiru f'dawk it-Trattati. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat ukoll fil-każ ta' bidliet istituzzjonali fil-qasam monetarju.

L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 49

Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-prinċipji kif stabbiliti fl-Artikolu 6(1) jista' japplika biex jsir membru ta' l-Unjoni. Hu għandu jibgħat l-applikazzjoni lill-Kunsill, li għandu jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta l-Kummissjoni u wara li jirċievi l-kunsens mill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi b’maġġoranza assoluta tal-membri komponenti tiegħu.

Il-kundizzjonijiet tad-dħul u l-tibdil li jkollu jsir fit-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni, minħabba f'dan id-dħul għandhom ikunu miftiehma bejn l-Istati Membri u l-Istat applikant. Dan il-ftehim għandu jiġi ppreżentat għar-ratifika mill-Istati Kontraenti kollha skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 50

1. L-Artikoli 2 sa 7 u 10 sa 19 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat fi Brussel fit-8 ta' April l965, qegħdin jiġu abrogati.

2. L-Artikolu 2, l-Artikolu 3(2) u t-Titolu III ta' l-Att Uniku Ewropew iffirmat fil-Lussemburgu fis- 17 ta' Frar 1986 u fl-Aja fit-28 ta' Frar l986 qegħdin jiġu abrogati.

Artikolu 51

Dan it-Trattat qed isir għal perjodu indefinit.

Artikolu 52

1. Dan it-Trattat għandu jkun ratifikat mill-Partijiet Kontraenti l-Għolja skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta' ratifika għandhom jiġu depożitati għand il-gvern tar-Repubblika Taljana.

2. Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ fl- 1 ta' Jannar 1993, bil-kondizzjoni li l-istrumenti ta' ratifika kollha jkunu ġew depożitati, jew fin-nuqqas, fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jiġi wara li jkun depożitat l-istrument ta' ratifika mill-aħħar Stat firmatarju li jagħmel dan il-pass.

Artikolu 53 [4]

Dan it-Trattat, redatt f'oriġinal wieħed bl-ilsien Daniż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Irlandiż, Olandiż, Portugiż, Spanjol u Taljan, bit-testi ta' kull wieħed minn dawn ugwalment awtentiċi, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tal-gvern tar-Repubblika Taljana, li għandu jibgħat kopja awtentikata lil kull wieħed mill-gvernijiet ta' l-Istati firmatarji l-oħra.

Skond it-Trattat ta' l-Adeżjoni ta' l-1994, il-verżjonijiet bil-Finlandiż u bl-Iżvediż ta' dan it-Trattat għandhom ikunu awtentiċi wkoll. Skond it-Trattat ta' l-Adeżjoni ta' l-2003, il-verżjonijiet biċ-Ċek, bl-Estonjan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bis-Slovakk, bis-Sloven u bl-Ungeriż ta' dan it-Trattat għandhom ikunu awtentiċi wkoll.

B'xhieda ta' dan, il-Plenipotenzjarji hawn sottoskritti ffirmaw dan it-Trattat.

Magħmul f'Maastricht fis-seba' jum ta' Frar tas-sena elf disa' mija u tnejn u disgħin.

(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)

[1] Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja saru wkoll membri ta' l-Unjoni Ewropea.

[2] Artikolu emendat bl-Att ta' Adeżjoni 2003. Ara l-Appendiċi fl-aħħar ta' dan il-ktejjeb.

[3] Artikolu emendat bl-Att ta' Adeżjoni 2003. Ara l-Appendiċi fl-aħħar ta' dan il-ktejjeb.

[4] Ara l-Appendiċi fl-aħħar ta' dan il-ktejjeb.

--------------------------------------------------

Il-Protokoll (no 1)

dwar l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa li jimplimentaw kompletament id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, u paragrafu 3, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-politika ta' l-Unjoni skond l-Artikolu 17 m’għandiex tippreġudika il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta’ xi uħud mill-Istati Membri u għandha tirrispetta l-obbligi ta’ uħud mill-Istati Membri, li jaraw id-difiża komuni tagħhom imwettqa fin-NATO, skond it-Trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kumpattibli mal-politika komuni għas-sigurtà u għad-difiża stabbilita f’dak il-qafas;

FTEHMU fuq id-disposizzjoni li ġejja, li hija annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

L-Unjoni Ewropea għandha tħejji, flimkien ma' l-Unjoni Ewropea tal-Punent, arranġamenti għall-kooperazzjoni msaħħa bejniethom, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

--------------------------------------------------

Il-Protokoll (no 2)

li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JINNUTAW li l-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni iffermati minn uħud mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea f' Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985 u fid- 19 ta' Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim relatati u r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ dawn l-akkordji, għandhom il-mira li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea u, partikolarment, jabilitaw lill-Unjoni Ewropea li tiżviluppa aktar malajr f’żona ta’ libertà, sigurta' u ġustizzja,

WAQT LI JIXTIEQU jinkorporaw l-ftehim u r-regoli msemmija hawn fuq fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JIKKONFERMAW li d-disposizzjonijiet ta' l-Acquis ta’ Schengen huma applikabli biss jekk u sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-ligi ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Komunità,

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka,

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-fatt li l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ma humiex partijiet mil-ftehim imsemmija hawn fuq u ma ffermawhomx; li għandu jkun hemm disposizzjoni, madanakollu, biex tippermetti lil dawk l-Istati Membri li jaċċettaw, kollha kemm huma jew in parti id-disposizzjonijiet ta' l-akkordji msemmija,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li, bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jsir użu mid-disposizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea li jirrigwardaw kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn uħud mill-Istati Membri u li dawk id-disposizzjonijiet għandhom ikunu użati biss meta ma jkunx hemm triq oħra,

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-ħtieġa li jżommu relazzjoni speċjali mar-Repubblika ta' l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, liema żewġ Stati kienu ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jkunu marbuta bid-disposizzjoniet imsemmija hawn fuq, fuq il-bażi tal-ftehim iffermati fil-Lussemburgu fid- 19 ta’ Diċembru 1996,

WARA LI FTEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunita' Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja, firmatarji tal-ftehim ta’ Schengen, huma awtorizzati li jistabilixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu ta' dawk il-ftehim u disposizzjonijiet relattivi, kif inhuma elenkati fl-Anness ta’ dan il-Protokoll, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmi bħala l-"Acquis ta’ Schengen". Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq fil-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni Ewropea u f’dak li għandu x’jaqsam mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 2

1. Mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Acquis ta' Schengen, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li kien ġie mistabilixxi bil-ftehim ta’ Schengen li kienu ġew adottati qabel din id-data, għandhom japplikaw immedjetament għat-tlettax-il Stat Membru li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Minn dik l-istess data, il-Kunsill għandu jissostitwixxi lilu nnifsu minflok l-imsemmi Kumitat Eżekuttiv.

Il-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan il-paragrafu. Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament, għandu jiddetermina, b’konformita' mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati, il-bażi legali għal kull waħda minn dawn id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-Acquis ta' Schengen.

F’dak li jirrigwarda dawk id-disposizzjonijiet u deċiżjonijiet u skond dik id-determinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha teżerċita il-funzjonijiet mogħtija lilha bid-disposizzjonijiet rilevanti applikabli tat-Trattati. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandux ikollha kompetenza dwar il-miżuri jew deċiżjonijiet li jirrelataw maż-żamma ta' l-ordni u l-liġi u mal-ħarsien tas-sigurtà nterna.

Sakemm il-miżuri msemmija hawn fuq ma jkunux ittieħdu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, paragrafu 2, id-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkonstitwixxu l-Acquis ta' Schengen għandhom jitqiesu bħala atti bbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw għall-Istati Membri li jkunu iffirmaw il-protokolli ta' l-Adeżjoni għall-ftahim ta’ Schengen, mid-dati deċiżi mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1, sakemm il-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni ta' xi uħud mill-Istati għall-Acquis ta’ Schengen ma jkunux intlaħqu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

Artikolu 3

Wara d-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, id-Danimarka tibqa' żżomm l-istess drittijiet u obbligi vis-a-vis l-firmatarji l-oħra tal-ftehim ta’ Schengen, kif qabel l-imsemmija determinazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma' dawk il-partijiet ta' l-acquis ta’ Schengen li jkun stabbilit li jkollhom bażi legali fit-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea.

F’dak li għandu x’jaqsam ma' dawk il-partijiet ta' l-Acquis ta’ Schengen li jkun stabbilit li għandhom il-bażi legali fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka għandu jibqa' jkollha l-istess drittijiet u obbligi bħall-firmatarji l-oħra tal-ftehim ta’ Schengen.

Artikolu 4

L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ma humiex marbuta bl-Acquis Schengen, jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-disposizzjonijiet kollha ta’ dan l-Acquis.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat konċernat.

Artikolu 5

1. Il-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta' l-Acquis ta’ Schengen għandhom ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattati.

F’dan il-kuntest, jekk la l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit jew it-tnejn ma jkunu għarrfu bil-kitba lill-president tal-Kunsill fi żmien perjodu raġjonevoli li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu li jkunu ġew mogħtija lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.

2. Id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw anke jekk il-Kunsill ma jkunx adotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu.

Artikolu 6

Ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu assoċjati fl-implementazzjoni ta' l-Acquis ta’ Schengen u l-iżvilupp ulterjuri tiegħu fuq il-bażi tal-Ftehim iffermat fil-Lussemburgu fid- 19 ta’ Diċembru 1996. Proċeduri xierqa għandhom ikunu mifthiema għal dak l-effett fi Ftehim li għandu jiġi finaliżżat ma' dawk l-Istati mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri msemmija fl-Artikolu 1. Dawn il-ftehim għandhom jinkludu disposizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Islanda u n-Norveġja għal kull konsegwenza finanzjarja li tirriżulta mill-implementazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Ftehim separat għandu jiġi konkluż ma' l-Islanda u n-Norveġja mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament, biex jistabilixxi drittijiet u l-obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq minn-naħa l-waħda, u l-Islanda u n-Norveġja mill-oħra, f’dawk l-oqsma ta' l-Acquis ta’ Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati.

Artikolu 7

Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jadotta l-arranġamenti dettaljati għall-integrazzjoni tas-Segretarjat ta’ Schengen fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 8

Għall-iskopijiet tan-negozjati għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħudha mill-istituzzjonijiet f' dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni.

--------------------------------------------------

ANNESS

L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

1. Il-Ftehim, iffermat f’Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franciża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom.

2. Il-Konvenzjoni, iffermata f’Schengen fid- 19 ta’ Ġunju 1990, bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda, li jimplementa il-Ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli matul il-fruntieri komuni tagħhom, iffermat f’Schengen fl- 14 ta’ Ġunju 1985, bl-Atti Finali u d-dikjarazzjonijiet komuni relattivi.

3. Il-Protokolli u l-Ftehim ta' Adeżjoni għall-Ftehim ta' l-1985 u l-Konvenzjoni ta' l-Implementazzjoni ta' l-1990 ma' l-Italja (iffermata f’Pariġi fis- 27 ta’ Novembru 1990), Spanja u l-Portugall (iffermati f’Bonn fil- 25 ta’ Ġunju 1991), il-Greċja (iffermat f’Madrid fis- 6 ta’ Novembru 1992), l-Awstrija (iffermat fi Brussel fit- 28 ta’ April 1995) u d-Danimarka, l-Finlandja u l-Isvezja (iffermati fil-Lussemburgu fid- 19 ta’ Diċembru 1996), bl-Atti Finali u d-dikjarazzjonijiet relativi.

4. Id-Deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet adottati mill-Kumitat Eżekuttiv stabbilit bil-Konvenzjoni ta' l-Implementazzjoni ta' l-1990, kif ukoll l-atti adottati għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni mill-organi li fuqhom il-Kumitat Eżekuttiv għadda poteri biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.

--------------------------------------------------

Il-Protokoll (no 3)

dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet li jirrelataw mar-Renju Unit u l-Irlanda,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-eżistenza għal ħafna snin ta' l-arranġementi speċjali għall-ivjaġġar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, independentament mill-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u kull disposizzjoniji oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull miżura addottata skond dawk it-Trattati, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità jew mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' wieħed jew aktar Stati terzi, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma' Stati Membri oħra dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit bħalma huwa jikkonsidra li jkunu meħtieġa għal dan il-għan:

(a) li jivverifika id-dritt għad-dħul fir-Renju Unit ta’ ċittadini ta’ Stati li huma Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tad-dipendenti tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bil-Liġijiet tal-Komunità, kif ukoll ta’ ċittadini ta’ Stati oħra li lilhom ingħataw drittijiet bħal dawn bi ftehim li bih huwa marbut ir-Renju Unit, u

(b) li jiddetermina jekk jagħtix jew le lil persuni oħra il-permess li jidħlu fir-Renju Unit.

Xejn fl-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew f' xi disposizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f' xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandu jippreġudika id-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jibqgħu jagħmlu arranġamenti bejniethom rigward il-moviment ta’ persuni bejn it-territorji tagħhom ("Iż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar"), waqt li jirrispettaw bi sħieħ id-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) ta’ dan il-Protokoll. Għalhekk, sakemm huma jżommu dawn l-arranġamenti, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw għall-Irlanda skond l-istess termini u kondizzjonijiet bħal dawk għar-Renju Unit. Xejn fl-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, fl-ebda disposizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottati permezz tagħhom, m’għandu jaffetwa dawn l-arranġamenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom jew f’xi post ieħor tad-dħul fir-territorju tagħhom dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fit-territorju tagħhom mir-Renju Unit jew minn xi territorji li r-relazzjonijiet barranin tagħhom ikunu taħt ir-reponsabbiltà tiegħu għall-istess għanijiet kif jinsabu fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll, jew mill-Irlanda sakemm id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll japplikaw għall-Irlanda.

Xejn fl-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jew f' xi disposizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’ xi miżura adottata permezz tagħhom m’għanda tippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri l-oħra li jadottaw jew jeżerċitaw kontrolli bħal dawn.

--------------------------------------------------

Il-Protokoll (no 4)

dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda,

WARA LI KKONSIDRAW il-Protokoll dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda,

FTIEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Soġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. B' deroga mill-Artikolu 205, paragrafu 2, tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, maġġoranza kkwalifikata għandha tiġi definita bħala l-istess proporzjon ta’ voti peżati tal-membri kkonċernati tal-Kunsill kif stabbilit fl-Artikolu 205, paragrafu 2. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu jeħtieġu li jiġu adottati unanimament.

Artikolu 2

B’konsegwanza ta’ l-Artikolu 1 u soġġett għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda disposizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta xi disposizzjoni jew miżura bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom; u l-ebda waħda minn dawn id-disposizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b'xi mod taffetwa l-kompetenza, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati; u l-ebda waħda minn dawk id-disposizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b' xi mod taffettwa l-acquis communautaire u lanqas tifforma parti mil-liġijiet tal-Komunità kif dawn japplikaw għar-Renju Unit jew l-Irlanda.

Artikolu 3

1. Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk. B' deroga mill-Artikolu 205, paragrafu 2, tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, maġġoranza kkwalifikata għandha tkun definita bħala l-istess proporzjon tal-voti peżati tal-membri kkonċernati tal-Kunsill kif stabbilit fl-Artikolu 205, paragrafu 2.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta’ xi membru li ma jkunx wassal dik in-notifika, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandu jaddotta b' unanimità. Miżura adottata skond dan il-paragrafu torbot lill-Istati Membri kollha li jkunu ħadu parti fl-adozzjoni tagħha.

2. Jekk wara perijodu ta’ żmien raġonevoli xi miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista' tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda, il-Kunsill jista' jadotta dawk il-miżuri skond l-Artikolu 1 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda. F’dak il-każ japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu f’kull żmien wara l-adozzjoni ta’ xi miżura mill-Kunsill skond it-Titoli IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jaċċettaw dik il-miżura. F’dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 11, paragrafu 3, tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 5

Stat Membru li ma jkunx marbut b’xi miżura adottata skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea ma jkunx tenut li jerfa' xi konsegwenzi finanzjarji ta’ dawk il-miżuri barra mill-ispejjeż amministrattivi meħtieġa għall-istituzzjonijiet.

Artikolu 6

Meta, fil-każijiet imsemmija f’dan il-Protokoll, ir-Renju Unit jew l-Irlanda ikunu marbuta b’xi miżura adottata mill-Kunsill skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-disposizzjonijiet pertinenti ta’ dak it-Trattat, inkluż l-Artikolu 68, għandhom japplikaw għal dak l-Istat f’dak li jirrigwarda dik il-miżura.

Artikolu 7

L-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Protokoll li jintegra l-Acquis Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

L-Irlanda tista' tinnotifika bil-mitkub lill-President tal-Kunsill li hi ma tkunx aktar tixtieq li tkun marbuta bil-kondizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. F’dak il-każ, id-disposizzjonijiet normali tat-trattat għandhom japplikaw għall-Irlanda.

--------------------------------------------------

Il-Protokoll (no 5)

dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JFAKKRU id-Deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew f’Edinburgu fit- 12 ta’ Diċembru 1992, rigward ċerti problemi mqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI NNOTTAW il-pożizzjoni tad-Danimarka f’dak li jirrigwarda iċ-Cittadinanza, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Politika tad-Difiża u l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Edinburgu,

WAQT LI JIKKONSIDRAW l-Artikolu 3 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea,

FTIEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

PARTI I

Artikolu 1

Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea. B' deroga mill-Artikolu 205, paragrafu 2, tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, maġġoranza kkwalifikata għandha tkun definita bħala l-istess proporzjon ta’ voti peżati tal-membri kkonċernati tal-Kunsill kif stabbilit fl-Artikolu 205, paragrafu 2. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament.

Artikolu 2

Ebda disposizzjoni tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda disposizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta' xi wħud minn dawn id-disposizzjonijiet jew miżuri m' għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-disposizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b'xi mod tippreġudika l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-disposizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b' xi mod taffettwa l-acquis communautaire u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet tal-Komunità kif dawn japplikaw għad-Danimarka.

Artikolu 3

Id-Danimarka m’għanda terfa' l-ebda konsegwenza finanzjarja tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1, barra l-ispejjeż amministrattivi konnessi ma' l-istituzzjonijiet.

Artikolu 4

L-Artikoli 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għal miżuri li jiddeterminaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom visa meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri, jew miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ format uniformi għall-visi.

Artikolu 5

1. Id-Danimarka għandha tiddeċiedi f' perjodu ta’ 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda fuq proposta jew inizjattiva li jiżviluppa fuq l-Acquis ta’ Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, jekk timplimentax din id-deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħha. Jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, din id-deċiżjoni toħloq obbligu skond il-ligi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra msemmija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Irlanda jew r-Renju Unit jekk dawk l-Istati jieħdu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.

2. Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li ma timplimentax xi deċiżjoni tal-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri msemmija f’Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jikkunsidraw l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

PARTI II

Artikolu 6

Għal dak li jirrigwarda l-miżuri adottati mill-Kunsill fil-qasam ta’ l-Artikoli 13, paragrafu 1, u l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża, imma ma timpedix l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam. Għalhekk id-Danimarka m’għandhiex tipparteċipa fl-adozzjoni tagħhom. Id-Danimarka m’għandhiex tkun obbligata tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-ispiża operattiva li toriġina minn dawk il-miżuri.

PARTI III

Artikolu 7

Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista', skond il-ħtiġiet kostituzzjonali tagħha, tinforma lill-Istati Membri l-oħra li hi ma tkunx tixtieq aktar tagħmel użu minn dan il-Protokoll kollu jew parti minnu. F’dak il-każ, id-Danimarka għandha tapplika għal kollox il-miżuri kollha relevanti li f’dak iż-żmien ikunu fis-seħħ fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

--------------------------------------------------

Protokoll (Nru 6)

dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (2001)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI JRIDU li jistabilixxu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif previst fl-Artikolu 245 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 160 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.,

QABLU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

Artikolu 1

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kostitwita u teżerċita l-funzjoni tagħha skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat ta’ l-UE), tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat tal-KE), tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika. (Trattat tal-KEEA) u ta’ dan l-Istatut.

TITOLU I

L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 2

Qabel ma jassumi l-kariga kull Imħallef għandu, f'seduta pubblika, jaħlef li jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’imparzjalità u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti.

Artikolu 3

L-Imħallfin igawdu l-immunità minn proċedimenti legali kontrihom. Wara li jkunu spiċċaw mill-kariga, jibqgħu igawdu l-immunità rigward l-atti li jkunu wettqu fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi l-kliem u l-kitba tagħhom.

Il-Qorti, f’seduta plenarja, tista’ tneħħi din l-immunità.

Meta l-immunità tkun tneħħiet u jittieħdu proċeduri kriminali kontra Mħallef, dan ikun jista' jiġi proċessat biss minn qorti kompetenti biex tiġġudika l-membri ta’ l-ogħla ġudikatura nazzjonali, f’xi wieħed mill-Istati Membri.

L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 tal-protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej jgħoddu għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali, għar-Registratur u għall-Assistenti Relaturi tal-Qorti, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immunità ta' l-Imhallfin minn proċedimenti legali, li huma msemmija fil-paragrafi ta’ qabel.

Artikolu 4

L-Imħallfin ma' jistgħu ikollhom ebda kariga politika jew amministrattiva.

Ma jistgħu jeżerċitaw ebda attività professjonali, bi ħlas jew mingħajr, ħlief bl-eżenzjoni eċċezzjonali mogħtija mill-Kunsill.

Meta jassumu d-doveri tagħhom, dawn għandhom jintrabtu solennement li kemm matul il-perjodu tal-kariga tagħhom, kif ukoll wara li din tkun intemmet, jirrispettaw l-obbligi marbuta magħha, b’mod partikolari d-doveri ta' l-onestà u d-diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-aċċettazzjoni, wara li jkunu temmew il-kariga, ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji.

F'każ ta' dubju tiddeċiedi l-Qorti.

Artikolu 5

Apparti s-sostituzzjoni normali, jew il-mewt, id-dmirijiet ta’ Mħallef jintemmu meta dan jirriżenja.

Meta Mħallef jirriżenja, l-ittra tar-riżenja għandha tiġi indirizzata lill-President tal-Qorti biex tintbagħat lill-President tal-Kunsill. Din in-notifika iġġib post battal fis-sedja.

Ħlief fejn ikun jgħodd l-Artikolu 6, Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu.

Artikolu 6

L-Imħallfin jistgħu jiġu mneħħija mill-kariga tagħhom jew miċħuda mid-dritt tagħhom għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f'każ biss li, fuq ġudizzju unanimu ta' l-Imħallfin u ta' l-Avukati Ġenerali tal-Qorti, ma jkunux iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfawx iktar l-obbligi tal-kariga tagħhom. L-Imħallef interessat ma jieħux parti f'deliberazzjoni bħal din.

Ir-Reġistratur tal-Qorti għandu jikkomunika din id-deċiżjoni tal-Qorti lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-President tal-Kummissjoni u għandu jgħarraf ukoll lill-President tal-Kunsill.

F'każ ta’ deċiżjoni li jitneħħa Mħallef mill-kariga, in-notifika ġġib post battal fis-sedja.

Artikolu 7

L-Imħallfin li l-funzjoni tagħhom tintemm qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom jiġu sostitwiti għall-bqija taż-żmien tal-mandat.

Artikolu 8

Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 7 jgħoddu għall-Avukati Ġenerali.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 9 [1]

Meta, kull tliet snin, ikun hemm tibdil parzjali ta' l-Imħallfin, għandhom ikunu mibdula alternattivament tlettax u tnax-il Imħallef

Is-sostituzzjoni parzjali ta' l-Avukati Ġenerali, li jseħħ kull tliet snin, imiss erba' Avukati Ġenerali kull darba.

Artikolu 10

Ir-Registratur jieħu ġurament quddiem il-Qorti li jaqdi dmirijietu b’imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħares is-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 11

Il-Qorti għandha taħseb minn qabel għas-sostituzzjoni tar-Reġistratur f'każ ta' l-impediment ta' dan.

Artikolu 12

Uffiċjali u impjegati oħra għandhom jiġu addetti mal-Qorti biex din tkun tista’ tiffunzjona. Huma taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President.

Artikolu 13

Fuq proposta tal-Qorti, il-Kunsill jista’, b’mod unanimu, jipprovdi biex jaħtar Assistenti Relaturi u jistabilixxi r-regoli dwar is-servizz tagħhom. L-Assistenti Relaturi jistgħu jiġu msejħa, skond il-kondizzjonijiet stipulati fir-Regoli tal-Proċedura, biex jipparteċipaw fl-istruzzjoni tal-kawzi miġjuba quddiem il-Qorti u biex jikkoperaw ma’ l-Imħallef Relatur.

L-Assistenti Relaturi, li għandhom jintgħażlu minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju mill-indipendenza tagħhom u li jippossedu l-kwalifiki legali meħtieġa, jiġu maħtura mill-Kunsill. Huma jaħilfu quddiem il-Qorti li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza u li jħarsu s-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

Artikolu 14

L-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur għandhom joqogħdu fil-lokalità fejn tiltaqa’ l-Qorti.

Artikolu 15

Il-Qorti tiltaqa’ b’mod permanenti. It-tul tal-vaganzi ġudizzjarji jiġi stabbilit mill-Qorti billi tqis il-ħtiġiet tax-xogħol tagħha.

Artikolu 16

Il-Qorti għandha tistitwixxi fi ħdanha awli komposti minn tlieta u ħames Imħallfin. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-Presidenti ta’ l-awli. Il-Presidenti ta’ l-awli ta’ ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti darba biss.

L-Awla Manja tikkonsisti minn tlettax-l Imħallef. Din tkun presjeduta mill-President tal-Qorti. Jagħmlu parti ta' l-Awla Manja l-Presidenti ta’ l-awli ta’ ħames Imħallfin kif ukoll Imħallfin oħra maħtura skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Il-Qorti tiltaqa’ f’ Awla Manja meta Stat Membru jew istituzzjoni tal-Komunitajiet li jkunu parti fil-kawża hekk jitolbu.

Il-Qorti tiltaqa’ bħala Qorti plenarja meta jinġiebu quddiemha kawżi skond l-Artikolu 195(2), l-Artikolu 213(2), l-Artikolu 216 jew l-Artikolu 247(7) tat-Trattat tal-KE jew l-Artikolu 107d(2), l-Artikolu 126(2), l-Artikolu 129 jew l-Artikolu 160b(7) tat-Trattat.tal-KEEA.

Barra minn hekk, meta jidhrilha li każ pendenti quddiemha jkun ta’ importanza eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, li tirreferi l-kawża lill-Qorti plenarja.

Artikolu 17

Il-Qorti tiddeċiedi validament biss meta tkun komposta bil-fard.

Id-deċiżjonijiet ta’ l-awli li jikkonsistu minn tlieta jew minn ħames Imħallfin ikunu validi biss jekk mogħtija minn tliet Imħallfin.

Id-deċiżjonijiet ta’ l-Awla Manja jkunu validi biss jekk l-Imħallfin fis-sedja jkunu disgħa.

Id-deċizjonijiet tal-Qorti plenarja jkunu validi biss jekk ikun hemm ħmistax-l Imħallef fis-sedja.

Fil-każ ta' mpediment ta' wieħed mill-Imħallfin ta’ awla li jattendi, Imħallef ta’ awla oħra jista’ jissejjaħ biex jieħu s-sedja skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 18

Ebda Mħallef jew Avukat Ġenerali ma jista’ jieħu parti fit-trattazzjoni ta’ kawża li jista' jkun ħa parti fiha qabel bħala aġent jew konsulent jew ikun aġixxa għal waħda mill-partijiet, jew li jkun ġie msejjaħ biex jippronunzja ruħu bħala membru tal-qorti jew tribunal, ta’ Kummissjoni ta’ inkjesta jew f’kapaċità oħra.

Jekk, għal xi raġuni speċjali, xi mħallef jew Avukat Ġenerali jikkonsidra li m’għandux jieħu parti f’ġudizzju jew eżami ta’ xi kawża partikolari, hu għandu jinforma lill-President. Jekk il-President jikkonsidra li xi Mħallef jew Avukat Ġenerali għal xi raġuni speċjali m’għandux jisma’ jew jagħmel sottomissjonijiet f’kawża partikolari, huwa għandu jgħarraf b’dan lill-persuna nteressata.

F'każ ta diffikultà dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu din għandha tiġi deċiża mill-Qorti.

Parti ma tistax titlob il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti jew ta’ waħda mill-awli tagħha la għar-raġuni kemm taċ-ċittadinanza ta’ Imħallef u l-anqas ta’ l-assenza mill-Qorti jew mill-awla ta’ Mħallef taċ-ċittadinanza ta’ dik il-parti.

TITOLU III

PROĊEDURA

Artikolu 19

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u wkoll ta’ l-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA msemmija f’dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.

Avukat biss, li jkun awtorizzat biex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.

Dawn l-aġenti, konsulenti u avukati, meta jidhru quddiem il-qorti, igawdu mid-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-doveri tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Fir-rigward ta’ dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, il-Qorti għandu jkollha s-setgħat li normalment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Għalliema ta’ l-Università li jkunu ċittadini ta' l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta’ udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati.

Artikolu 20

Il-proċedura quddiem il-Qorti tikkonsisti f’żewġ partijiet: dik miktuba u dik bil-fomm.

Il-proċedura miktuba tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet li d-deċiżjoni tagħhom tkun qiegħda tiġi mistħarrġa, ta’ applikazzjonijiet, stqarrijiet dwar il-każ, difiżi u osservazzjonijiet, u ta’ repliki, jekk ikun hemm, kif ukoll ta’ skritti u dokumenti miġjuba biex isaħħu l-każ jew ta’ kopji awtentikati tagħhom.

Il-komunikazzjonijiet isiru permezz ta' Reġistratur fl-ordni u fit-termini stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Il-proċedura bil-fomm tkun tikkonsisti fil-qari tar-rapport ippreżentat minn Imħallef li jkun jaġixxi bħala Relatur, fis-smigħ mill-Qorti ta’ aġenti, konsultenti u avukati u fis-sottomissjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, kif ukoll fis-smigħ, jekk ikun hemm ta’ xhieda u esperti.

Meta l-Qorti tqis li l-kawża ma tqajjimx xi punt ġdid ta’ dritt, hija tista’ tiddeċiedi, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, illi l-kawża tista’ tinqata’ mingħajr sottomissjoni mill-Avukat Ġenerali.

Artikolu 21

Każ jista’ jitressaq quddiem il-Qorti permezz ta’ rikors bil-miktub indirizzat lir-Reġistratur. Fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalita' tal-firmatarju, l-isem tal-parti jew tal-partijiet avversarji, l-oġġett tal-kwestjoni, il-forma ta' ordni rikjesta u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Ir-rikors għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu 232 tat-Trattat tal-KE u Artikolu 148 tat-Trattat tal-KEEA, minn dokument li jiċċertifika d-data tat-talba prevista f'dawn l-artikoli. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew sottomessi mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lil parti nteressata biex iġġibhom fi żmien raġonevoli, bla ma iżda tkun tista tiġi eċċepita d-dekadenza f'każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors.

Artikolu 22

Il-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KEEA għandhom jitressqu quddiem il-Qorti permezz ta’ appell indirizzat lir-Reġistratur. L-appell għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju, referenza għad-deċiżjoni li kontriha jkun qed jitressaq l-appell, l-ismijiet tal-partijiet avversarji, l-oġġett tal-kawża, is-sottomissjonijiet u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba.

Mar-rikors għandu jkun hemm kopja awtentika tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-Arbitraġġ li tkun qed tiġi kontestata.

Jekk il-Qorti tiċħad l-appell, is-sentenza tal-Kumitat ta’ l-Abitraġġ tkun definittiva.

Jekk il-Qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-Arbitraġġ, il-kwistjoni tista’ tarġa’ tinfetaħ jekk ikun il-każ, fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża, quddiem il-Kumitat ta’ l-Arbitraġġ. Dan ta’ l-aħħar għandu jikkonforma ruħu mal-punti ta' dritt deċiżi mill-Qorti.

Artikolu 23

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 35(1) tat-Trattat ta’ l-UE, mill-Artikolu 234 tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 150 tat-Trattat tal-KEEA, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal ta’ l-Istat Membru li jissospendi l-proċedimenti u jirreferi l-każ lill-Qorti għandha tiġi notifikata lill-Qorti mill-qorti jew tribunal konċernat. Din id-deċiżjoni għandha tiġi mbagħad notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kunsill jew lill-Bank Ċentrali Ewropew jekk l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata ikun ġie emanat minn wieħed minnhom, u lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata jkun ġie emanat b'mod konġjunt minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.

Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, il-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummisjoni u meta jkun il-każ, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Bank Ċentrali Ewropew, ikollhom id-dritt li jissottomettu noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.

F’każijiet kontemplati fl-Artikolu 234 tat-Trattat tal-KE, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali għandha tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti ukoll lill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorita' ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dak il-ftehim, li fi żmien xahrejn min-notifika, meta jkollu x' jaqsam wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim, ikunu jistgħu jissottomettu lill-Qorti, noti jew osservazzjonijiet bil-miktub.

Fejn ftehim relatat ma' suġġett speċifiku, konkluż mill-Kunsill u Stat wieħed jew aktar li mhux membri, jipprovdi li dawk l-Istati jkunu intitolati li jippreżentaw noti jew osservazzjoni bil-miktub meta qorti jew tribunal ta' Stat Membru tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari kwistjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali li fiha dik il-kwistjoni għandha tkun innotifikata lill-Istati mhux membri kkonċernati. Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, dawk l-Istati jistgħu jippreżentaw lill-Qorti noti jew osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 24

Il-Qorti tista’ titlob lill-partijiet biex iġibu d-dokumenti kollha u biex jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tkun tixtieq. F' każ ta rifjut, tieħu nota formali.

Il-Qorti tista’ wkoll teħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li ma jkunux parti fil-kawża jagħtu l-informazzjoni kollha li l-Qorti tqis meħtieġa għall-fini tal-proċess.

Artikolu 25

Il-Qorti tista f’kull żmien tagħti perizja lil kull persuna, korp, uffiċju, kummissjoni jew organu li tagħżel hi.

Artikolu 26

Jistgħu jinstemgħu xhieda skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura

Artikolu 27

Rigward xhieda li jonqsu li jidhru, il-Qorti għandha l-poteri li ġeneralment jingħataw lill-qrati u lit-tribunali u tista’ timponi pieni ta’ flus skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 28

Ix-xhieda u l-periti jistgħu jinstemgħu bil-ġurament li jittieħed skond il-forma stabbilita fir-Regoli tal-Proċedura jew bil-mod kif stabbilit fil-liġijiet tal-pajjiż tax-xhud jew tal-perit.

Artikolu 29

Il-Qorti tista’ tordna li xhud jew perit jinstama’ mill-awtorità ġudizzjarja tal-post fejn ikun joqgħod.

L-ordni tintbagħat għall-esekuzzjoni lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. L-atti riżultanti mill-esekuzzjoni tar-rogatorji għandhom jiġu rritornati lill-Qorti bl-istess kondizzjonijiet.

Il-Qorti għandha tħallas l-ispejjeż, b'dan li tgħaddihom, jekk ikun il-każ, lill-partijiet.

Artikolu 30

Kull Stat Membru għandu jqis kull vjolazzjoni tal-ġurament minn xhud jew minn perit bħala l-istess reat kommess quddiem qorti nazzjonali tiegħu f'materji ċivili. Fuq denunzja tal-Qorti, l-Istat Membru konċernat għandu jipproċedi kontra l-awturi ta' dak ir-reat quddiem il-qorti kompetenti nazzjonali.

Artikolu 31

Is-smigħ fil-qorti għandu jkun pubbliku, sakemm il-qorti, fuq inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-partijiet konċernati, ma tiddeċidix mod ieħor għal raġunijiet serji.

Artikolu 32

Waqt is-smigħ il-Qorti tista’ teżamina l-periti, ix-xhieda u l-partijiet infushom.Madanakollu dawn ta’ l-aħħar jistgħu jindirizzaw il-Qorti biss permezz tar-rappreżentanti tagħhom.

Artikolu 33

Għandhu jinżamm verbal ta’ kull smigħ li jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur.

Artikolu 34

Il-lista tal-kawżi għandha tiġi ffissata mill-President.

Artikolu 35

Id-deliberazzjonijiet tal-Qorti għandhom ikunu u jibqgħu sigrieti.

Artikolu 36

Is-sentenzi għandhom ikunu motivati. Għandu jkollhom l-ismijiet ta’ l-Imħallfin li jkunu ħadu parti fid-deliberazzjonijiet.

Artikolu 37

Is-sentenzi għandhom jiġu ffirmati mill-President u mir-Reġistratur. Għandhom jinqraw fil-Qorti bil-miftuħ.

Artikolu 38

Il-Qorti tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 39

Il-President tal-Qorti, skond proċedura sommarja li tkun tista tidderoga safejn meħtieġ minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Istatut u li għandha tiġi stabbilita minn Regoli tal-Proċedura, bil-ħsieb kemm biex tiġi ottentuta s-sospensjoni prevista fl-Artikolu 242 tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 157 tat-Trattat tal KEEA, kemm għall-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji skond l-Artikolu 243 tat-Trattat tal-KE jew l-Artikolu 158 tat-trattat tal-KEEA, kemm għas-sospensjoni ta' l-esekuzzjoni furzata skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artiklu 256 tat-Trattat tal-KE jew skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA.

F'każ ta impediment tal-President, jiġi sostitwit minn Imħallef ieħor skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

Id-deċiżjoni tal-President jew ta’ l-Imħallef li jkun issostitwih tkun biss ta' karattru proviżorju u bl’ebda mod ma tippreġudika d-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-meritu.

Artikolu 40

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti.

L-istess dritt jappartjeni lil kull persuna oħra li turi li jkollha interess fl-eżitu ta' kawża mressqa quddiem il-Qorti, barra mill-kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Komunitajiet jew bejn Stati Membri min-naħa waħda u istituzzjonijiet tal-Komunitajiet min-naħa l-oħra.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu, l-Istati, barra mill-Istati Membri, li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Awtorita ta' Sorveljanza ta' l-EFTA prevista f'dan il-ftehim, jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' l-istess Ftehim.

Rikorsi għal intervent jistgħu ikollhom bħala oġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet.

Artikolu 41

Meta il-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tressaq sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza fil-kontumaċja tagħha. Is-sentenza tkun suġġetta għall-oppożizzjoni fi żmien xahar min-notifika tagħha. Salv deċiżjoni kuntrarja tal-Qorti, l-oppożizzjoni ma twaqqafx l-esekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

Artikolu 42

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet u kull persuna oħra fisika jew ġuridika jistgħu, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet li jiġu stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, jibdew proċedimenti ta' terzi kontra sentenzi mogħtija mingħajr ma huma jkunu ġew imsejjħa fil-kawża, meta dik is-sentenza tkun ta' preġudizzju għad-drittijiet tagħhom.

Artikolu 43

F' każ ta' dubju dwar it-tifsir jew il-portata ta' sentenza, ikun imiss lill-Qorti li tinterpretaha fuq talba ta' xi parti jew ta' xi istituzzjoni tal-Komunitajiet li turi li jkollha interess f'dan.

Artikolu 44

Ir-reviżjoni ta' sentenza tista' tintalab lill-Qorti biss għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel il-għoti tas-sentenza ma kienx magħruf lill-Qorti u lill-parti li titlob ir-reviżjoni.

Il-proċedura tar-reviżjoni tinfetaħ b'sentenza tal-Qorti li tikkonstata espressament l-eżistenza ta' fatt ġdid, tirrikonoxxi li jkun ta' karattru li jgħati lok għar-reviżjoni u tiddikjara li fuq dan il-motiv it-talba tkun ammissibli.

Ebda talba għar-reviżjoni ma tista’ ssir wara li jgħaddu għaxar snin mid-data tas-sentenza.

Artikolu 45

Ir-Regoli tal-Proċedura jistabilixxi perijodi ta' grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta' distanza.

Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta' l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta' każ fortuwitu jew ta' forza maġġuri.

Artikolu 46

L-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet f' materja ta' responsabiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b'ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista' tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunitajiet. F' dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu 230 tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 146 tat-Trattat tal-KEEA; japplikaw meta jkun il-każ, rispettivament id-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikoli 232 tat-Trattat tal-KE u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 148 tat-Trattat tal-KEEA.

TITOLU IV

IL-QORTI TA’ PRIM' ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 47

L-Artikoli 2 sa 8, l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames paragrafi ta’ l-Artikolu 17 u l-Artikolu 18 japplikaw għall-Qorti ta’ Prim' Istanza u l-membri tagħha. Il-ġurament imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jittieħed quddiem Qorti tal-Ġustizzzja u s-sentenzi msemmija fl-Artikolu 3, 4 u 6 jiġu adottati minn dik il-Qorti wara konsultazzjoni mal-Qorti ta’ Prim' Istanza.

Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 3 u l-Artikoli 10, 11 u 14 jgħoddu mutatis mutandis għar-Reġistratur tal-Qorti ta’ Prim' Istanza.

Artikolu 48 [2]

Il-Qorti tal-Prim Istanza għandha tikkonsisti f'ħamsa u għoxrin Imħallef

Artikolu 49

Il-membri tal-Qorti ta' Prim' Istanza jistgħu jissejħu biex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Avukat Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali għandu l-funzjoni li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità kollha u bl-indipendenza kollha, sottomisjonijiet motivati fuq ċerti kawżi imressqin quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza bl-iskop li jassisti lil din fix-xogħol tagħha.

Il-kriterji tal-għażla ta' dawn il-kawżi, kif ukoll il-modalitajiet biex jiġu nominati l-Avukati Ġenerali, huma stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta’ Prim' Istanza.

Membru li jiġi msejjaħ biex jeżerċita l-funzjoni ta’ Avukat Ġenerali f’kawża ma jistax jieħu sehem fid-deċizjoni ta' dik il-kawża.

Artikolu 50

Il-Qorti ta' Prim' Istanza tiltaqa' f’awli komposti minn tlieta jew ħames Imħallfin. L-Imħallfin jeleġġu minn fosthom il-Presidenti ta’ l-awli. Il-Presidenti ta’ l-awli ta’ ħames Imħallfin jiġu eletti għal tliet snin. Jistgħu jerġgħu jiġu eletti għal darba oħra.

Il-kompożizzjoni ta’ l-awli u t-tqassim tal-kawżi bejniethom isiru skond ir-Regoli tal-Proċedura. F’ċerti każi, determinati mir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti ta’ Prim' Istanza tista’ tiltaqa’ f’seduta plenarja jew tkun kostitwita minn Imħallef wieħed.

Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu ukoll jipprovdu li l-Qorti ta’ Prim' Istanza tiltaqa’ f'Awla Manja fil-każi u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fihom

Artikolu 51

B'deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 225(1) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 140(a)(1) tat-Trattat dwar il-KEEA, ġurisdizzjoni għandha tkun riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat tal-KE u l-Artikoli 146 u 148 tat-Trattat tal-KEEA meta jitressqu minn Stat Membru kontra:

(a) xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, jew minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f'azzjoni konġunta, ħlief għal:

- deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE;

- azzjonijiet tal-Kunsill adottati skond xi regolament tal-Kunsill dwar miżuri biex iħarsu l-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 133 tat-Trattat tal-KE;

- azzjonijiet tal-Kunsill li permezz tagħhom il-Kunsill jeżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 202 tat-Trattat tal-KE;

(b) kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 11a tat-Trattat tal-KE.

Ġurisdizzjoni għandha tkun ukoll riservata għall-Qorti tal-Ġustizzja fl-azzjonijiet imsemmija fl-istess Artikoli meta dawn jitressqu minn xi istituzzjoni tal-Komunitajiet jew mill-Bank Ċentrali Ewropew kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, minn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet f'azzjoni konġunta, jew mill-Kummissjoni, jew jitressqu minn xi istituzzjoni tal-Komunitajiet kontra xi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 52

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom jistabilixxu, bi qbil bejniethom, il-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra adetti mal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jagħtu s-servizzi tagħhom lill-Qorti ta' Prim' Istanza biex jassiguraw il-funzjonament tagħha. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra jkunu responsabbli lejn ir-Reġistratur tal-Qorti ta' Prim' Istanza taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

Artikolu 53

Il-proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza tiġi regolata bit-Titolu III.

Il-Proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza tiġi preċizata u kompletata, safejn ikun meħtieġ, mir-Regoli tal-Proċedura. Ir-Regoli tal-Proċedura jistgħu jidderogaw mir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 40 u mill-Artikolu 41 biex jieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-litigazzjoni fil-qasam tal-propjetà intellettwali.

B'deroga mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 20, l-Avukat Ġenerali jista’ jippreżenta s-sottomissjonijiet motivati tiegħu bil-miktub.

Artikolu 54

Jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti ta' Prim' Istanza jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jgħaddih immedjatament lir-Reġistratur ta-Qorti ta’ Prim' Istanza; bl-istess mod, jekk rikors jew att proċedurali ieħor indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jiġi preżentat bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti ta’Prim' Istanza, dan għandu jgħaddih immedjatament minn dak ir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta l-Qorti ta' Prim' Istanza ssib li ma tkunx kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta' rikors li jidħol fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja; bl-istess mod meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li rikors jidħol fil-kompetenza tal-Qorti ta’ Prim' Istanza, hija tirreferi lil din ta' l-aħħar, li mbagħad ma tkunx tista' tirrifjuta l-kompetenza tagħha.

Meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim' Istanza jinġiebu kawżi fejn tkun qed tintalab l-istess tiswija ta' ġustizzja, fejn titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew jitqanqal dubju dwar il-validita' ta' l-istess att, il-Qorti ta' Prim' Istanza tista', wara li tkun semgħat il-partijiet, twaqqaf il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat sentenza, jew, fejn l-azzjoni titressaq skond l-Artikolu 230 tat-Trattat KE jew skond l-Artikolu 146 tat-Trattat KEEA, ma taċċettax il-ġurisdizzjoni biex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi dwar dawk l-applikazzjonijiet. Fl-istess ċirkostanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' wkoll tiddeċiedi li twaqqaf il-proċedimenti li jkun hemm quddiemha; f'dak il-każ il-proċedimenti ta' quddiem il-Qorti ta' Prima Istanza għandhom jitkomplew.

Meta Stat Membru u istituzzjoni tal-Komunitajiet ikunu jirrikużaw l-istess azzjoni, il-Qorti ta' Prima Istanza m'għandhiex taċċetta ġurisdizzjoni biex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiddeċiedi dwar dawk l-applikazzjonijiet.

Artikolu 55

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jikkonkludu l-proċediment, deċiżjonijiet li jaqtgħu kwestjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwestjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammisibbiltà għandhom jiġu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti ta’ Prim' Istanza lill-partijiet kollha kif ukoll lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet anke jekk dawn ma kienux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti ta’ Prim' Istanza.

Artikolu 56

Jista’ jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jmissu min-notifika tad-deċiżjoni impenjata, kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu kwestjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibilità.

Dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. B'danakollu dawk li jintervjenu ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komuntajiet, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza taffettwahom direttament.

Ħlief fil-każ ta' kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, appell jista wkoll jitressaq minn Stati Membri u istituzzjonijiet tal-Komunitajiet li ma kienux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza. F'dan il-każ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta' Stati Membri jew istituzzjonijiet li jkunu intervenew f'Prim' istanza.

Artikolu 57

Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn li jmissu min-notifika tad-deċiżjoni taċ-ċaħda, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzzja kontra sentenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza mogħtija skond l-Artikolu 242 jew l-Artikolu 243 jew ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 256 tat-Trattat ta’ l-KE jew skond l-Artikolu 157 jew l-Artikolu 158 jew it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

L-appell imsemmi fl-ewwel żewġ paragrafi ta’ dan l-Artikolu jiġi deċiż skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39.

Artikolu 58

Appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta' l-inkompetenza tal-Qorti ta' Prim' Istanza, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll il-ksur tad-dritt komunitarju mill-Qorti ta' Prim' Istanza.

L-appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta' l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom

Artikolu 59

Fil-każ ta' appell kontra deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tikkonsisti f’parti bil-miktub u parti bil-fomm. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun semgħet 'l-Avukat Ġenerali u l' partijiet, tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr il-proċedura bil-fomm.

Artikolu 60

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 242 u 243 tat-Trattat tal-KE jew l-Artikoli 157 u 158 tat-Trattat tal-KEEA, appell ma jkollux effett sospensiv.

B'deroga għall-Artikolu 244 tat-Trattat tal-KE u għall-Artikolu 159 tat-Trattat tal-KEEA, id-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta' l-għeluq tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 56 ta' dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f'dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda ta' l-appell, mingħajr preġudizzju għall-fakulta ta' parti li tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikoli 242 u 243 tat-Trattat tal-KE jew l-Artikoli 157 u 158 tat-Trattat tal-KEEA, għas-sospensjoni ta’ l-effetti tar-regolament annullat jew għall-adozzjoni ta' kull provvediment ieħor proviżorju.

Artikolu 61

Jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza biex din tiddeċidiha.

F' każ ta' rinviju, fuq punti ta' dritt il-Qorti ta' Prim' Istanza tkun marbuta bid-deċizjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta appell magħmul minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Komunitajiet li ma jkunux intervenew fil-kawża quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza, ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista', jekk ikun jidhrilha meħtieġ, tindika dawk l-effetti tad-deċiżjoni annullata tal-Qorti ta' Prim' Istanza li jkollhom jiġu konsidrati definittivi di fronti l-partijiet fil-kawża.

Artikolu 62

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 225(2) u (3) tat-Trattat tal-KE u l-Artikoli 140a(2) u (3) tat-Trattat tal-KEEA, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista', meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta' preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt komunitarju, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

Il-proposta għandha ssir fi żmien xahar mill-għoti tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Fi zmien xahar minn meta tirċievi l-proposta magħmula mill-Avukat Generali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni.

Artikolu 62a

Il-Qorti għandha tieħu deċiżjonijet fuq il-kwistjonijiet li huma soġġetti għal eżami mill-ġdid permezz ta' proċedura b' urġenza abbażi ta' inkartament li jkun intbagħatilha mill-Qorti tal-Prim' Istanza.

Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta' dan l-istatut kif ukoll, fil-każijiet previsti mill-Artikolu 225(2) tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 140A(2) tat-Trattat tal-KEEA, il-partijiet fil-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza għandhom id-dritt li jressqu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, noti jew osservazzjonijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fi żmien stipulat għal dan il-għan.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali qabel ma tieħu deċiżjoni.

Artikolu 62 b

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 225(2) tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 140A(2) tat-Trattat tal-KEEA, bla ħsara għall-Artikoli 242 u 243 tat-Trattat tal-KE, il-proposta ta' eżami mill-ġdid u d-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid m' għandhomx natura sospensiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim' Istanza tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-Dritt Komunitarju, hija għandha tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza li tkun marbuta bil-punti ta' liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja; il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tindika liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim' Istanza għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. Madankollu, jekk, b'konsiderazzjoni tar-riżultat ta' l-eżami mill-ġdid, is-soluzzjoni tal-kwistjoni toħroġ minn konstatazzjonijiet ta' fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabli.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 225(3) tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 140A(3) tat-Trattat tal-KEEA, fin-nuqqas ta' proposta ta' eżami mill-ġdid jew ta' deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Prim Istanza għall-kwistjonijiet li jkunu ġew imressqa lilha jkollhom effett minn meta jiskadu l-perijodi previsti għal dan il-għan mill-Artikolu 62, it-tieni sub-paragrafu. F'każ ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew risposti li jkunu soġġetti għal eżami mill-ġdid għandu jkollhom effett meta tintemm din il-proċedura, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim' Istanza tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-Dritt Komunitarju, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal eżami mill-ġdid tieħu post dik tal-Qorti tal-Prim' Istanza.

TITOLU IVa

AWLI ĠURISDIZZJONALI

Artikolu 62c

Id-disposizzjonijiet dwar il-kompetenzi, il-komposizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' l-awli ġurisdizzjonali stabbiliti bis-saħħa ta' l-Artikoli 225a tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA huma annessi ma' dan l-Istatut.

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Ir-regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandu jkun fihom id-disposizzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi applikat u, fejn hemm bżonn, kompletat dan l-Istatut.

Artikolu 64

Sakemm ir-regoli relattivi għal-lingwa applikabbli għall-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Qorti ta' Prim' Istanza jiġu adottati f’dan il-Istatut, id-disposizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza relattivi għal-lingwa għandhom ikomplu japplikaw. Kull tibdil jew tħassir ta' dawn id-diposizzjonijiet għandha ssir skond il-proċedura prevista għat-tibdil ta' dan l-Istatut.

[1] Artikolu emendat bl-Att t'Adezjoni tas-sena 2003. Ara l-appendiċi fl-aħħar ta' dan il-ktejjeb.

[2] Artikolu emendat bl-Att t'Adezjoni tas-sena 2003. Ara l-appendiċi fl-aħħar ta' dan il-ktejjeb.

--------------------------------------------------

ANNESS I

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 1

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, minn hawn'il quddiem imsejjaħ "Qorti għas-Servizz Pubbliku", għandu jeżerċita fi prim'istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom skond l-Artikolu 236 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KEFA, inklużi dawk il-kwistjonijiet bejn il-korpi jew aġenziji kollha u l-impjegati tagħhom li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn seba' mħallfin. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jżid in-numru ta' mħallfin.

L-imħallfin għandhom jiġu maħtura għal perjodu ta' sitt snin. L-imħallfin li jispiċċaw il-mandat tagħhom jistgħu jiġu maħtura mill-ġdid.

Kull post vakanti għandu jimtela bil-ħatra ta' mħallef ġdid għal perjodu ta' sitt snin.

Artikolu 3

1. L-imħallfin għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE u r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst f'dan l-Artikolu. Fil-ħatra ta' l-imħallfin, il-Kunsill għandu jiżgura li jkun hemm komposizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost ċittadini ta' l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali rappreżentati.

2. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u li tissodisfa l-kondizzjonijiet previsti fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE u r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA tista' tippreżenta l-kandidatura tagħha. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiffissa l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-kandidaturi.

3. Kumitat kompost minn seba' persuni magħżula minn fost ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim' Istanza u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta għandu jiġi stabbilit. Il-ħatra tal-membri tal-kumitat u r-regoli tal-ħidma tiegħu għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta' mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-kumitat għandu jannetti ma' din l-opinjoni lista tal-kandidati li għandhom l-esperjenza ta' livell għoli l-aktar adegwata. Tali lista għandha tikkonsisti f'numru ta' kandidati li jikkorrispondi għall-inqas għad-doppju tan-numru ta' mħallfin li għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 4

1. L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal perjodu ta' tliet snin. Il-mandat tiegħu jista' jiġi mġedded.

2. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn awli bi tliet imħallfin. Hu jista', f'ċerti każijiet determinati mir-regoli tiegħu ta' proċedura, jiltaqa' f'seduta plenarja, f'awla ta' ħames imħallfin jew f'awla ta' mħallef wieħed.

3. Il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jippresjedi seduta plenarja u fl-awla ta' ħames imħallfin. Il-Presidenti ta' l-awli ta' tliet imħallfin għandhom jinħatru skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. Jekk il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi assenjat għal awla ta' tliet imħallfin, għandu jkun hu li jippresjedi f'din l-awla.

4. Il-kompetenzi u l-kworum tas-seduta plenarja kif ukoll il-komposizzjoni ta' l-awli u l-assenjazzjoni tal-kawżi lil dawn ta' l-aħħar għandhom jkunu stabbiliti mir-regoli ta' proċedura.

Artikolu 5

L-Artikoli 2 sa 6, 14, 15, l-ewwel, it-tieni u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 17, kif ukoll l-Artikolu 18 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għall-membri tiegħu.

Il-ġurament previst fl-Artikolu 2 ta' l-Istatut għandu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli tiegħu 3, 4 u 6 għandhom jiġu adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 6

1. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun appoġġat mis-servizzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, meta jkun il-każ, il-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza, għandu jistabbilixxi bi qbil komuni mal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra, addetti mal-Qorti tal-Ġustizzja jew mal-Qorti ta' Prim' Istanza, għandhom jagħtu s-servizzi tagħhom lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jassiguraw il-funzjonament tiegħu. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra huma responsabbli lejn ir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taħt l-awtorità tal-President ta' dan it-Tribunal.

2. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jaħtar ir-Reġistratur tiegħu u jippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu. Ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 3, l-Artikoli 10, 11 u 14 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw għar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 7

1. Il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandha tkun iggvernata mit-Titolu III ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief għall-Artikoli tiegħu 22 sa 23. Aktar preċiżjoni u kompletezza, skond il-bżonn, jistgħu jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tat-Tribunal.

2. Id-disposizzjonijiet tar-reġim lingwistiku tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom ikunu applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

3. L-istadju bil-miktub tal-proċedura għandu jinkludi l-preżentata tat-talba u l-eċċezzjonijiet tal-konvenut, sakemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix li hemm bżonn ta' skambju ieħor ta' skritturi. Fejn isir it-tieni skambju ta' skritturi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista', bil-qbil tal-partijiet, jiddeċiedi li jaqta' l-kawża mingħajr ma ssir il-proċedura orali.

4. F'kull stadju tal-proċedura, inkluża l-preżentata tat-talba, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista' jeżamina l-possibbiltajiet ta' soluzzjoni bi ftehim tal-kwistjoni u jista' jipprova jiffaċilita tali soluzzjoni.

5. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-kawża. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet partikolari tar-regoli ta' proċedura, il-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż jekk hekk ikun deċiż.

Artikolu 8

1. Fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Bl-istess mod, fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti ta' Prim' Istanza jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

2. Fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku isib li mhuwiex kompetenti biex jieħu konjizzjoni ta' kawża li taqa' fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza, huwa għandu jirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti ta' Prim' Istanza. Bl-istess mod, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti ta' Prim' Istanza jsibu li kawża taqa' fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Qorti mitluba għandha tirriferi l-kawża lil dan ta' l-aħħar li ma jistax, f'dak il-każ, jiċħad il-kompetenza tiegħu.

3. Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti ta' Prim' Istanza jinġiebu kawżi li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew li fihom jitqanqal dubju dwar il-validità ta' l-istess att, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li jisma' l-partijiet, jista' jissospendi l-proċedimenti sakemm il-Qorti ta' Prim' Istanza tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti ta' Prim' Istanza jinġiebu kawżi li jkollhom l-istess oġġett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti ta' Prim' Istanza tiddeċiedi l-kawża.

Artikolu 9

Appell jista' jsir quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni impunjata, kontra d-deċiżjonijiet finali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u kontra d-deċiżjonijiet ta' dak it-Tribunal li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibilità.

Dan l-appell jista' jitressaq minn kwalunkwe parti li ma tkunx irnexxiet, parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. Madankollu, dawk li jintervjenu, ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tolqothom direttament.

Artikolu 10

1. Jista' jsir appell quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

2. Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 242 jew l-Artikolu 243, jew skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 256 tat-Trattat tal-KE jew skond l-Artikolu 157, jew l-Artikolu 158, jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

3. Il-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza jista' jiddeċiedi appelli previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Aritkolu, skond proċedura sommarja li tkun tista' tidderoga, safejn meħtieġ, minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Anness u li għandha tiġi stabbilita minn Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

Artikolu 11

1. Appell quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza jista' jitressaq biss fuq punti ta' liġi. L-appell jista' jitressaq għal motivi ta' l-inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li jista' jagħmel ħsara lill-interessi ta' l-appellant kif ukoll ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2. Ma jistax isir appell fuq il-kap ta' l-ispejjeż biss, dwar min ibagħtihom u l-ammonti tagħhom.

Artikolu 12

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 242 u 243 tat-Trattat tal-KE u għall-Artikoli 157 u 158 tat-Trattat ta' l-Euratom, appell quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza ma għandux ikollu effett sospensiv.

2. Fejn jitressaq appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti ta' Prim' Istanza, wara li tkun semgħet lill-partijiet, tista' tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali.

Artikolu 13

1. Jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess. Jekk il-kawża tkun f'punt fejn għad ma tistax tinqata', il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2. Fejn il-kawża tiġi rinvjata kif indikat fil-paragrafu preċedenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibqa' marbut bid-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza fuq il-punti ta' liġi

--------------------------------------------------

Protokoll (Nru 7)

Anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea (1992)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

QABLU fuq id-disposizzjoni li ġejja, li għandha tiġi annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea:

Xejn fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew fit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea, jew fit-Trattati jew Atti li jimmodifikaw jew jissupplimentaw dawk it-Trattati, ma għandu jeffettwa l-applikazzjoni fl-Irlanda ta' l-Artikolu 40.3.3. tal-Kostituzzjoni ta’ L-Irlanda.

--------------------------------------------------

Protokoll (Nru 8)

dwar il-lokalità tas-sede ta' l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u l-Europol (1997)

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 289 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, l-Artikolu 77 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JFAKKRU U JIKKONFERMAW id-Deċiżjoni tat- 8 ta’April 1965, u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sede ta’ istituzzjonijiet, korpi u dipartimenti futuri,

FTIEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

Artikolu Uniku

(a) Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-12-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-budget, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussel. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussel. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.

(b) Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel. Matul ix-xhur ta’ April, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu.

(ċ) Il-Kummissjoni għandu jkollha s-sede tagħha fi Brussel. Id-dipartimenti elenkati fl-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Deċiżjoni tat- 8 ta’April 1965 għandhom ikunu stabbiliti fil-Lussemburgu.

(d) Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prima Istanza għandu jkollhom is-sede tagħhom fil-Lussemburgu.

(e) Il-Qorti ta' l-Awdituri għandu jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

(f) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel.

(g) Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussel.

(h) Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.

(i) L-Istitut Monetarju Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollhom is-sede tagħhom fi Frankfurt.

(j) L-Uffiċju tal-Pulizija Ewropea (Europol) għandu jkollu s-sede tiegħu fl-Aja.

--------------------------------------------------

Protokoll (Nru 9)

dwar ir-rwol ta' Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea (1997)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JFAKKRU li l-iskrutinju minn parlamenti nazzjonali ndividwali tal-gvernijiet tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma' l-attivitajiet ta' l-Unjoni huwa kwistjoni għall-organizzazzjoni u prattika kostituzzjonali partikolari ta’ kull Stat Membru,

WAQT LI JIXTIEQU, madanakollu, li jinkoraġixxu parteċipazzjoni akbar tal-parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u li jtejbu l-abilità tagħhom li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar problemi li jista' jkollhom interess partikulari għalihom,

FTIEHMU DWAR id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

I. Informazzjoni għall-parlamenti nazzjonali ta’ l-Istati Membri

1. Id-dokumenti kollha ta’ konsultazzjoni mill-Kummissjoni (karti ħodor u bojod u komunikazzjonijiet) għandhom jintbgħatu mingħajr dewmien lill-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri.

2. Proposti għal leġislazzjoni mill-Kummissjoni kif definiti mill-Kunsill skond l-Artikolu 207, paragrafu 3, tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, għandhom ikunu magħmula disponibbli fi żmien xieraq sabiex il-gvernijiet ta’ kull wieħed mill-Istati Membri jkunu jistgħu jassiguraw li l-parlament nazzjonali tagħhom jirċevihom kif xieraq.

3. Perjodu ta’ sitt ġimgħat għandu jgħaddi bejn id-data li fiha il-Kummissjoni tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-lingwi kollha, proposta leġislattiva jew proposta relattiva għal miżura biex tiġi adottata skond it-titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u d-data li fiha din titqiegħed fuq l-aġenda tal-Kunsill għal deċiżjoni, għall-adozzjoni ta' xi att jew għall-adozzjoni ta' pożizzjoni komuni skond l-Artikolu 251 jew 252 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, salv għal eċċezzjoni għal raġunijiet ta' urġenza li l-motivazzjoni tagħha għandha tiġi dikjarata fl-Att jew fil-pożizzjoni komuni.

II. Il-Konferenza dwar il-Kumitati ta' l-Affarijiet Ewropej

4. Il-Konferenza tal-Kumitati ta' l-Affarijiet Ewropej, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa bħala COSAC, stabbilita f’Pariġi fis- 16- 17 ta’ Novembru 1989, tista' tressaq kull kontribut li hi tħoss xieraq għall-attenzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, partikolarment fuq il-bażi ta’ abbozzi ta’ testi legali li r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwasslulha bi qbil komuni, minħabba n-natura tal-materja tas-suġġett tagħhom.

5. Il-COSAC tista' teżamina kull proposta leġislattiva jew inizjattiva li għandha x’taqsam ma' l-istabbiliment ta’ żona ta’ libertà, sigurta' u ġustizzja li jista' jkollha effett dirett fuq id-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwi. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu nfurmati b' kull kontribut magħmul mill-COSAC skond dan il-punt.

6. Il-COSAC tista' tindirizza lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kull kontribut li jkun jidhrilha xieraq dwar l-attivitajiet leġislattivi ta' l-Unjoni, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-arja ta' libertà, sigurta' u ġustizzja kif ukoll kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali.

7. Il-Kontributi magħmula mill-COSAC m’għandhom bl-ebda mod jorbtu lill-parlamenti nazzjonali jew jippreġudikaw il-pożizzjoni tagħhom.

--------------------------------------------------

Protokoll (Nru 10)

dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea (2001)

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA

ADOTTAW id-disposizzjonijiet li ġejjin li huma annessi mat-Trattat dwarl-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej:

Artikolu 1

Revoka tal-Protokoll dwar l-istituzzjonijiet

Il-Protokoll dwar l-istituzzjonijiet bil-prospettiva tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej, qiegħed jiġi abrogat.

Artikolu 2

Disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-Parlament Ewropew

1. Fl- 1 ta' Jannar 2004 u b’ seħħ mill-bidu tal-leġislatura 2004-2009, fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunitajiet Ewropej u fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit dan:

"In-numru tar-rappreżentanti maħtura f’kull Stat Membru hywa fissat kif ġej:

Belġju | 22 |

Id-Danimarka | 13 |

Il-Ġermanja | 99 |

Il-Greċja | 22 |

Spanja | 50 |

Franza | 72 |

L-Irlanda | 12 |

L-Italja | 72 |

Il-Lussemburgu | 6 |

L-Olanda | 25 |

L-Awstrija | 17 |

Il-Portugall | 22 |

Il-Finlandja | 13 |

L-Isvezja | 18 |

Ir-Renju-Unit | 72". |

2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, in-numru totali tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2004-2009 huwa daqs in-numru ta’ rappreżentanti msemmi fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika b’żieda tan-numru ta’ rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġodda kif jirriżulta mit-trattati ta’ l-adeżjoni iffirmati sa mhux aktar tard mill- 1 ta’ Jannar 2004.

3. Jekk in-numru totali tal-membri msemmi fil-paragrafu 2 ikun anqas minn 732, għandha ssir korrezzjoni pro rata fin-numru ta’ rappreżentanti li għandhom jiġu eletti f’kull Stat Membru, biex b’hekk in-numru totali jkun kemm jista’ jkun viċin is-732, bla ma din il-korrezzjoni twassal għal numru ta’ rappreżentanti biex jiġu eletti minn kull Stat Membru ogħla minn dak previst fl-Artikolu 190(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika għal-leġislatura 1999-2004.

Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni għal dan l-iskop.

4. B'deroga għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u mit-tieni paragrafu ta’ Artikolu 107 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, f’każ li jidħlu fis-seħħ trattati ta’ tkabbir wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill prevista fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, in-numru tal-membri tal-Parlament Ewropew jista’ temporanjament jaqbeż is-732 għal matul il-perjodu li għalih tkun tapplika dik id-deċiżjoni. L-istess korrezzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi applikata għan-numru tar-rappreżentanti li għandhom jiġu eletti fl-Istati Membri in kwistjoni.

Artikolu 3

Disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-peżatura tal-voti fil-Kunsill

1 [1]. (Revokat)

2. Ma' kull adeżjoni, il-għatba msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 118(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika tiġi kalkulata b'mod li l-għatba tal-maġġoranza kwalifikata espressa f'voti ma taqbiżx dik li toħroġ mil-lista li hemm fid-Dikjarazzjoni dwar it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea inkluża fl-Att Finali tal-Konferenza li adottat it-Trattat ta' Nizza.

Artikolu 4

Disposizzjonijiet rigward il-Kummissjoni

1. Fl- 1 ta’ Novembru 2004 [2] u b’seħħ minn meta l-ewwel Kummissjoni ta' wara dik id-data tibda tiffunzjona l-Artikolu 213(1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 126(1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"1. Il-Membri tal-Kummissjoni jintgħażlu fuq bażi tal-kapaċità ġenerali tagħhom u ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom.

Il-Kummissjoni tinkludi ċittadin ta' kull Stat Membru.

In-numru tal-Membri tal-Kummissjoni jista’ jinbidel mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità.".

2. Meta l-Unjoni tkun tikkonsisti minn 27 Stat Membru, l-Artikolu 213 (1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 126 (1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"1. Il-Membri tal-Kummissjoni jintgħażlu fuq bażi tal-kapaċità ġenerali tagħhom u ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom.

In-numru tal-membri tal-Kummissjoni għandu jkun inqas min-numru ta’ l-Istati Membri. Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu skond sistema ta’ rotazzjoni b'mod ugwali li l-modalitajiet tagħha jiġu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi b'unanimità.

In-numru tal-membri tal-Kummissjoni jiġi ffissat mill-Kunsill b’unanimita.".

Din l-emenda tidħol tapplika mid-data li fiha l-ewwel Kummissjoni wara d-data ta' l-adeżjoni tas-seba’ u għoxrin Stat Membru tibda tiffunzjona.

3. Il-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità wara li jkun ġie iffirmat it-trattat ta' l-adeżjoni tas-seba’ u għoxrin Stat Membru ta’ l-Unjoni, għandu jistabilixxi:

- in-numru tal-Membri tal-Kummissjoni;

- il-modalitajiet tas-sistema ta' rotazzjoni b'mod ugwali li juru il-ġabra tal-kriterji u tar-regoli kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita awtomatikament il-komposizzjoni tal-kulleġġi suċċessivi fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

a) l-Istati Membri jiġu trattati strettament indaqs rigward id-determinazzjoni tas-sekwenza u tal-perjodu tal-presenża ta' ċittadini tagħhom fi ħdan il-Kummissjoni; b’konsegwenza ta’ dan, id-differenza bejn in-numru totali ta’ perjodi fil-kariga li jkunu għamlu ċittadini ta’ xi żewġ Stati Membri, ma tista' tkun qatt iżjed minn waħda:

b) bla ħsara għall-punt (a), kull kulleġġ suċċessiv ikun kompost b'mod li jirrifletti b’mod sodisfaċenti il-varjetà demografika u ġeografika ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni.

4. Kull Stat li jidħol fl-Unjoni jkollu d-dritt, ma' l-adeżjoni tiegħu, li jkollu ċittadin tiegħu bħala Membru tal-Kummissjoni sakemm ma jkunx japplika l-paragrafu 2.

[1] Il-paragrafu ġie rrevokat bl-Att ta' Adeżjoni tas-sena 2003.

[2] Il-paragrafu ġie emendat bl-Att ta' Adeżjoni tas-sena 2003.

--------------------------------------------------

Top