|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2023/2471 |
7.11.2023 |
ID-DEĊIŻJONI Nru 4/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
tat-28 ta’ Settembru 2023
li żżid żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor [2023/2471]
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor (2),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”) biex jadotta deċiżjonijiet li jżidu atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti fuq l-Unjoni u r-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
(2) |
Jenħtieġ li żewġ atti tal-Unjoni li għadhom kif ġew adottati jiżdiedu mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (3) għandha tiżdied fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 4 “Aspetti ġenerali relatati mal-kummerċ”.
2. Ir-Regolament (UE) 2023/1524 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti mir-Repubblika tal-Moldova skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (4) għandha tiżdied fl-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 4 “Aspetti ġenerali relatati mal-kummerċ”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara d-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul f’Londra, it-28 ta’ Settembru 2023.
Għall-Kumitat Konġunt
Il-Kopresidenti Supplenti
John WATSON
Leo DOCHERTY
(2) Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2471/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)