这是indexloc提供的服务,不要输入任何密码

Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 515 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tal-Lussemburgu

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tal-Lussemburgu


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tal-Lussemburgu

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tal-Lussemburgu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, 1 u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, 2

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, 3

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta' Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, 4 li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta' Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, 5 li fih hija ma identifikatx il-Lussemburgu bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta' Marzu 2017 u adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Marzu 6 .

(2)Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Lussemburgu jinħtieġ li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro li huwa rifless fir-rakkomandazzjoni 2 ta’ hawn taħt.

(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għal-Lussemburgu 7 kien ippubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Huwa vvaluta l-progress li għamel il-Lussemburgu biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottat mill-Kunsill fit-12 ta' Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fi snin preċedenti u l-progress li għamel il-Lussemburgu lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta' Ewropa 2020.

(4)Fit-28 ta' April 2017, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tiegħu u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tiegħu. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien biex jitqiesu r-rabtiet mill-qrib ta' bejniethom.

(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew ikkunsidrati fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi ESI) li jkopru l-perjodu 2014-2020. Kif previst fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi ESI 8 , fejn ikun meħtieġ li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex janalizza u jemenda l-programmi relevanti tiegħu tal-Fondi ESI. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. 9

(6)Bħalissa l-Lussemburgu qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2017, il-gvern qed jippjana tnaqqis fil-bilanċ nominali minn 1,6 % tal-PDG fl-2016 għal 0,2 % tal-PGD fl-2017, segwit minn żieda kostanti minn hemm ’il quddiem, sakemm tilħaq surplus ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG — se jibqa’ jiġi ssodisfat b'marġni matul il-perjodu tal-programm. Skont il-programm ta’ stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern hu mistenni li jibqa’ ferm taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli, ħlief għall-2018, meta huwa favorevoli ħafna u l-2021 meta huwa kawt ħafna. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jirreġistra surplus ta' 0,4 % tal-PDG fl-2017 u 0,1 % tal-PDG fl-2018, ġeneralment konformi mal-programm ta’ stabbiltà u aktar mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Lussemburgu hu proġettat li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2017 u fl-2018.

(7)Jibqa’ tħassib dwar is-sostenibbiltà fiskali fit-tul minħabba ż-żieda proġettata fl-ispejjeż marbutin mat-tixjiħ. Bir-riforma tal-2012 tal-pensjonijiet, jinħtieġ li jsir eżerċizzju ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet kull ħames (5) snin wara l-adozzjoni tar-riforma. Il-gvern ippreżenta l-ewwel evalwazzjoni fl-2016. Għalkemm ir-rieżami kkonkluda li s-sistema tal-pensjonijiet għadha qegħda tirreġistra surplus rikorrenti li ppermetta li jiġu akkumulati riżervi tal-pensjonijiet mdaqqsa, is-sistema tal-pensjonijiet hija mistennija li tirreġistra bilanċ negattiv mill-2023. Skont it-tbassir reċenti rivedut tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni, iż-żieda proġettata fil-popolazzjoni se tkun inqas sinifikanti milli kien mistenni. Dan se jkollu impatt fuq il-proporzjon tad-dipendenza, li se jiżdied b’mod iktar mgħaġġel milli mistenni qabel u jwassal għal żieda pproġettata ogħla fin-nefqa pubblika għall-pensjonijiet. Ma sar l-ebda progress fl-irbit bejn l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, kif kien rakkomandat qabel mill-Kunsill. Il-Lussemburgu huwa partikolari peress li huwa l-uniku Stat Membru fejn ma kien hemm l-ebda żieda fl-età statutorja tal-irtirar stipulata għall-perjodu bejn l-2013 u l-2060 Il-Lussemburgu għandu l-akbar żieda pproġettata fis-sehem tal-popolazzjoni dipendenti sal-2060 tal-Unjoni. Il-Lussemburgu għamel progress limitat dwar l-irtirar bikri. F'Lulju 2015 abbozz ta' liġi li timmodifika l-iskemi tal-irtirar kmieni ġie ppreżentat lill-Parlament, fejn għadha pendenti. B’mod ġenerali, l-irtirar bikri għadu mifrux u l-inċentivi biex wieħed jibqa' jaħdem aktar fit-tul għadhom limitati. Wara r-reviżjoni tal-prospettivi demografiċi, il-Lussemburgu qed iħabbat wiċċu ma’ aktar riskji relatati mat-trażżin tan-nefqa tal-kura fit-tul. Dan diġà huwa wieħed mill-ogħla fost l-Istati Membri bħala sehem tal-PDG u huwa mbassar li jiżdied minn 1,5 % għal 3,2 % tal-PDG sal-2060 (iktar mid-doppju tal-livell attwali). Proġett ta’ riforma għall-assigurazzjoni tal-kura fit-tul għadu qed jiġi diskuss mill-Parlament.

(8)L-awtoritajiet tal-Lussemburgu adottaw riforma komprensiva tat-taxxa li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2017. Ir-riforma introduċiet bidliet l-aktar fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, kemm għall-individwi kif ukoll għall-korporazzjonijiet, immirati lejn it-tnaqqis gradwali fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji (bil-għan li tiżdied il-kompetittività) u ż-żieda fil-progressività tat-taxxa fuq id-dħul personali (bil-għan li tiżdied il-ġustizzja). Fl-istess waqt, iż-żieda f'ċertu nfiq tat-taxxa toħloq riskju li l-bażi tat-taxxa tidjieq. Biex titjieb il-prevedibbiltà tad-dħul fiskali, hemm lok biex tkompli titwessa’ l-bażi tat-taxxa. Dan jista’ jinkiseb b’mod partikolari billi tiġi diskussa mill-ġdid it-tassazzjoni attwali baxxa fuq id-djar u billi jsir aktar użu ta’ sorsi alternattivi. Dan jista’ jinkludi l-iżgurar ta’ iktar koerenza bejn it-tassazzjoni ambjentali u għanijiet ta’ diversifikazzjoni tal-ekonomija.

(9)L-awtoritajiet tal-Lussemburgu raw kif għamlu biex jiddiversifikaw l-ekonomija, fl-għarfien tar-riskji marbuta ma' dipendenza qawwija fuq is-settur finanzjarju. It-tnaqqis tad-dipendenza tal-ekonomija fuq is-settur finanzjarju jibqa’ sfida ċentrali fuq perjodu twil. Biex jiġi trattat dan, l-analiżi tad-diversifikazzjoni trid tiġi tradotta f’miżuri speċifiċi bi skeda ta’ żmien definita b’mod ċar. Meta wieħed iqis il-livell għoli tal-kosti lavorattivi, attivitajiet li jkollhom valur miżjud joffru l-potenzjal li jilliberaw sorsi alternattivi ta' tkabbir. Id-diversifikazzjoni b'suċċess tal-ekonomija tal-Lussemburgu għalhekk tiddependi ħafna fuq is-setturi li huma anqas sensittivi għal-livelli tal-kosti lavorattivi. Fil-biċċa l-kbira, dawn huma bbażati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li għandhom it-tendenza li jkollhom użu intensiv ta' teknoloġija u ta' għarfien. It-tnaqqis, jew it-tneħħija ta' ostakli għall-investiment u l-innovazzjoni li jillimitaw l-iżvilupp ekonomiku, jillibera l-potenzjal għall-innovazzjoni u jgħinu d-diversifikazzjoni. Filwaqt li l-investiment pubbliku huwa ogħla mill-medja fiż-Żona tal-Euro, l-investiment privat mhuwiex jilħaq il-prestazzjoni massima potenzjali. Huwa essenzjali, biex jinżammu l-prospetti tat-tkabbir, li jiġi sostnut livell għoli ta' investiment.

(10)L-espansjoni ulterjuri tas-settur tas-servizzi mhux finanzjarji, li diġà huwa wieħed ta' suċċess, ukoll jista' jgħin fid-diversifikazzjoni tal-ekonomija. Għad hemm ostakli regolatorji għolja fis-settur tas-servizzi għan-negozji, b’mod partikolari għall-kontabilisti, periti, inġiniera u avukati. Għal dawn il-professjonijiet kollha, ir-rata ta’ fatturat hija inqas kemm mill-medja tal-UE kif ukoll mir-rata medja għall-ekonomija ġenerali. Restrizzjonijiet fuq dawn il-professjonijiet għalhekk jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-kompetittività tan-negozji fil-Lussemburgu. Dawn l-ostakli jinkludu l-ambitu wiesa’ ta’ attivitajiet riżervati għall-periti; ir-riżervazzjoni ta’ kompiti sempliċi bħall-attivitajiet tal-pagi jew il-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa għal professjonisti kwalifikati ħafna; ir-riżervazzjoni ta’ parir legali għall-avukati; u r-rekwiżiti tal-forma legali u l-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-regoli dwar l-inkompatibiltà u r-restrizzjonijiet multidixxiplinari għall-avukati li jistgħu jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-prinċipji ewlenin, bħalma huma l-indipendenza tal-professjoni, u l-arranġamenti superviżorji korrispondenti.

(11)Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati u l-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età, li r-rati tal-impjiegi tagħhom għadha fost l-aktar baxxi fl-UE, huma meħtieġa biex jiġu evitati impatti negattivi. Ġew adottati miżuri biex itejbu l-impjegabbiltà tagħhom u l-irbit mas-suq tax-xogħol. Liġi dwar ir-riklassifikazzjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltajiet li jaffetwawhom fuq ix-xogħol ġiet implimentata fl-1 ta’ Jannar 2016 u żiedet il-possibbiltajiet għal dawn il-ħaddiema li jibqgħu għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol. Madankollu, strateġija komprensiva, wara konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali, għad trid tiġi ppreżentata. Il-“patt tal-età”, abbozz ta’ liġi ppreżentat lill-Parlament f’April 2014, li għandu l-għan li jħeġġeġ kumpaniji b’aktar minn 150 impjegat iżommu ħaddiema aktar anzjani, għadu ma ġiex adottat. L-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet permezz ta’ linji politiċi mmirati lejn is-suq tax-xogħol attiv u t-tagħlim tul il-ħajja li jappoġġaw il-ħaddiema anzjani se jibqgħu importanti għas-suċċess ta’ dawn il-politiki. L-investiment fil-ħiliet huwa kruċjali biex jinħasdu l-benefiċċji sħaħ tad-diġitalizzazzjoni u biex tinżamm il-kompetittività.

(12)Pakkett sostanzjali ta’ miżuri ġie adottat biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ provvista fi proprjetà immobbli, iżda l-impatt reali tiegħu għad irid jidher. L-inkapaċità għall-aċċess tal-disponibbli għall-bini, li fil-parti l-kbira tagħha hija proprjetà ta’ individwi privati, tidher li hija wieħed mill-ostakli ewlenin biex tiżdied il-provvista tad-djar. Il-provvista limitata tad-djar flimkien mad-domanda qawwija wasslet għal żieda kostanti fil-prezzijiet tad-djar. Dan jikkontribwixxi biex jispjega x-xejra lejn żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi, li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu relatat mal-ipoteki. Barra minn hekk, minkejja l-investiment sostanzjali fl-infrastruttura tat-trasport, l-indirizzar tal-konġestjoni tat-traffiku tibqa’ sfida. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-prattiki moderni tax-xogħol, bħal pereżempju x-xogħol mid-dar (teleworking), huma skoraġġuti fil-każ ta’ ħaddiema transfruntiera mill-politiki fiskali fil-pajjiżi ġirien. Kemm l-isfidi tal-akkomodazzjoni kif ukoll tal-mobbiltà x’aktarx iqegħdu pressjoni żejda fuq l-isforzi biex tiġi diversifikata l-ekonomija u tiżdied il-kompetittività. Dawn jistgħu jaġixxu wkoll bħala ostakli fl-attirar tal-ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol.

(13)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(14)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u huwa tal-opinjoni 10 li l-Lussemburgu mistenni jkun konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.Tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-ekonomija, fosthom billi jitneħħew l-ostakli għall-investiment u l-innovazzjoni. Jitneħħew ir-restrizzjonijiet regolatorji fis-settur tas-servizzi tan-negozju.

2.    Jiżgura s-sostenibbiltà fuq terminu twil tas-sistema tal-pensjonijiet, jillimita l-irtirar bikri u jżid ir-rata ta’ impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2017) 515 final.
(3) P8_TA(2017)0038, P8_TA(2017)0039, u P8_TA(2017)0040.
(4) COM(2016) 725 final.
(5) COM(2016) 728 final.
(6) 2017/C92/01
(7) SWD(2017) 81 final.
(8) L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(9)    COM(2014) 494 final.
(10) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.