这是indexloc提供的服务,不要输入任何密码

Brussell, 22.5.2017

COM(2017) 502 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tal-Bulgarija

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2017 tal-Bulgarija


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2017 tal-Bulgarija

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2017 tal-Bulgarija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 3 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 5 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 6 , li fih identifikat lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għall-Bulgarija 7 ġie ppubblikat fit-22 ta' Frar 2017. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Bulgarija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Bulgarija lejn il-miri Europa 2020 nazzjonali tiegħu. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017 8 . L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Bulgarija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, il-Bulgarija għadha qed tesperjenza żbilanċi marbuta ma’ fraġilitajiet li għadhom jeżistu fis-settur finanzjarju u minn dejn korporattiv għoli fil-kuntest ta’ rata għolja ta’ qgħad fit-tul.

(3)Il-Bulgarija ma ppreżentatx il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tagħha u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tagħha sal-iskadenza.

(4)Ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż tqiesu fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) li jkopru l-perjodu 2014-2020. Kif previst fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi SIE 9 , fejn dan ikun meħtieġ biex isostni l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jemenda l-programmi rilevanti tiegħu tal-Fondi SIE. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli 10 .

(5)Il-Bulgarija bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-gvern ma ppreżentax il-Programm ta’ Konverġenza tal-2017 tiegħu sal-iskadenza stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(6)Fit-12 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Bulgarija biex tilħaq aġġustament fiskali annwali ta' 0,5 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2017. Id-dejta tal-eżitu tindika li l-Bulgarija diġà laħqet l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha fl-2016. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa previst li jiddeterjora minn surplus ta’ 0,1% tal-PDG fl-2016 għal defiċit ta’ 0,4% tal-PDG fl-2017 u ta’ 0,3% tal-PDG fl-2018 fuq bażi li ma tinbidilx il-politika. Minkejja dan id-deterjorament, il-bilanċ strutturali huwa pprojjettat li se jibqa’ ‘l fuq mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju fis-sentejn li huma. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2017 u fl-2018 il-Bulgarija hija projjettata li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(7)L-isforzi biex jitjieb il-ġbir tat-taxxa għadhom għaddejjin. Minkejja titjib, il-konformità mat-taxxa għadha problematika. L-ekonomija s-sewda u x-xogħol mhux iddikjarat għadhom għoljin. Il-piż amministrattiv relatat mat-taxxa huwa sinifikanti. Il-miżuri biex titnaqqas il-burokrazija jidher li taw riżultati limitati sa issa u ma hemmx indikazzjonijiet ta’ titjib kbir fil-konformità volontarja mat-taxxa. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-infurzar tar-regoli jidher li huwa kruċjali mhux biss għall-implimentazzjoni tal-kontrolli, iżda wkoll għat-tisħiħ tal-prevenzjoni tan-nonkonformità mat-taxxa. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Istrateġija Nazzjonali Unika għall-2015–2017 biex jitjieb il-ġbir tat-taxxi, tiġi indirizzata l-ekonomija s-sewda u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità jidher li huwa għodda utli speċjalment għall-evalwazzjoni u t-titjib tal-koordinazzjoni u tal-effiċjenza ta’ għadd ta’ korpi amministrattivi li jaħdmu fil-qasam tat-taxxa. Analiżi ex-post tal-impatti tal-miżuri speċifiċi jistgħu jikkontribwixxu biex isiru valutazzjoni, ippjanar u identifikazzjoni xierqa ta’ miżuri futuri għall-konformità mat-taxxa. Dawn il-miżuri se jieħdu post l-istrateġija attwali, li tiskadi fl-aħħar tal-2017.

(8)L-awtoritajiet, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-korpi Ewropej rilevanti, wettqu analiżi tal-kwalità tal-assi u testijiet tal-istress bankarju u tas-settur tal-assigurazzjoni, kif ukoll analiżi tal-assi tal-fondi tal-pensjonijiet privati. Filwaqt li r-riżultati kkonfermaw is-saħħa ġenerali tas-setturi, ġew ikkonfermati ċerti vulnerabbiltajiet, inkluż f’xi istituzzjonijiet sistematikament importanti. Peress li l-miżuri ta’ segwitu għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ, is-sors tal-vulnerabbiltà għadu hemm. Barra minn hekk, xi kwistjonijiet, inkluża l-valwazzjoni tal-istrumenti u tal-assi finanzjarji illikwidi kif ukoll l-iskoperturi għal partijiet relatati, ma ġewx indirizzati bis-sħiħ mit-tliet rieżamijiet. Is-superviżuri jistgħu jieħdu approċċ aktar konservattiv biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Kwistjonijiet pendenti fis-settur tal-assigurazzjoni jinkludu wkoll it-trattament ta’ ċerti kuntratti tar-riassigurazzjoni, xi riċevibbli tal-assigurazzjoni u s-superviżjoni fil-livell tal-grupp.

(9)Sabiex tiġi indirizzata l-possibbiltà li jerġgħu jitfaċċaw żbilanċi simili fil-futur, il-miżuri biex titjieb is-superviżjoni bankarja jeħtieġu li jitlestew u huma meħtieġa aktar sforzi biex tittejjeb is-superviżjoni mhux bankarja. It-trattament tal-assi mhux faċilment stimabbli u prattiki tan-negozju mhux tajbin, inkluż self lil partijiet relatati u self konness, għadhom ta’ sfida ewlenija għall-awtoritajiet. Il-Bank Nazzjonali Bulgaru nieda pjan biex jirristruttura u jiżviluppa s-superviżjoni bankarja, ibbażat ukoll fuq is-sejbiet tal-Bank Dinji u tal-FMI. Dan il-pjan qiegħed jiġi implimentat, iżda għandu mnejn ikollu bżonn jiġi emendat fid-dawl tas-sejbiet tal-Programm tal-Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju. In-nuqqasijiet fis-superviżjoni evidenzjati mir-rieżamijiet tal-assigurazzoni u tal-fondi tal-pensjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni tas-Superviżjoni Finanzjarja tiżviluppa u timplimenta pjan komprensiv biex tissaħħaħ is-superviżjoni, inkluż billi ttejjeb il-governanza u l-funzjonament interni tagħha. Sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà sħiħa, dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prassi internazzjonali fil-qasam u għandu jkun ippreparat u implimentat f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi Ewropej, u jinkorpora kontribut minn fornituri terzi ta’ servizzi kif meħtieġ.

(10)Id-dejn tal-kumpaniji għadu għoli (‘il fuq sew minn dak tal-pajjiżi pari), u dan ipoġġi piż fuq il-karti tal-bilanċ tal-kumpaniji u potenzjalment jillimita d-domanda għall-kreditu u l-investiment fuq terminu medju. Biex jitnaqqas il-livell li għadu għoli ta’ self korporattiv mhux produttiv, l-awtoritajiet għandhom jiffaċilitaw il-proċess tar-ristrutturar għall-banek billi jibbażaw fuq sett komprensiv ta’ strumenti. Pereżempju, iħaffu r-riforma tal-qafas tal-insolvenza ħalli jtejbu l-ambjent legali għat-trattament tad-dejn mitluf, inkluż l-għoti ta’ opportunitajiet għal ristrutturar barra l-qorti. Lil hinn mill-qafas tal-insolvenza, l-għodda tista’ tinkludi gwida superviżjora għal banek b’livelli partikolarment għoljin ta’ self improduttiv. Dan irendi d-dejta dwar il-kwalità tal-assi aktar trasparenti kif ukoll jgħin biex japprofondixxi s-suq sekondarju għas-self mhux produttiv.

(11)L-iżviluppi riċenti fis-suq tax-xogħol kienu pożittivi, imma għad fadal problemi strutturali. Il-forza tax-xogħol qed tkompli tiċkien minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ flimkien mal-migrazzjoni. Hekk kif l-ekonomija għaddejja minn bidliet strutturali, huwa essenzjali li wieħed jisfrutta l-potenzjal mhux użat tax-xogħol. Attwalment, is-suq tax-xogħol huwa kkaratterizzat minn livell għoli ta’ qgħad u inattività fit-tul, inklużjoni limitata taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u nuqqasijiet u diskrepanzi ta’ ħiliet. Filwaqt li r-rata tal-qgħad waqgħet taħt il-medja tal-UE fl-2016, il-proporzjon tal-qgħad fit-tul u tar-rata ta’ żgħażagħ mhux f’impjieg, fl-edukazzjoni jew f’taħriġ u r-rata baxxa ta’ impjiegi ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet għadhom problemi kbar. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol mhumiex immirati biżżejjed lejn il-gruppi żvantaġġati u lejn il-ħtiġijiet tagħhom, u dan ifixkel l-impjegabbiltà tagħhom. Barra minn hekk, l-integrazzjoni insuffiċjenti tal-impjiegi u tas-servizzi soċjali għall-benefiċjarji tal-benefiċċji soċjali tista’ tillimita l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(12)It-titjib tal-eżiti edukattivi u t-tisħiħ tal-provvediment ta’ edukazzjoni formali inklużiva ta’ kwalità jibqa’ ta’ sfida, b’konsegwenzi potenzjali fuq il-faqar. Waqt li r-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għat-tfal naqas bi ftit, dan għadu wieħed mill-ogħla fl-UE u huwa marbut sew mal-livell tal-edukazzjoni tal-ġenituri. Il-kisba ta’ ħiliet bażiċi kif imkejla bil-PISA 2015 turi li l-proporzjon ta’ dawk li jibqgħu lura fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza għadu wieħed mill-ogħla fl-UE. Il-metodoloġija ppjanata biex ittejjeb il-finanzjament tal-iskejjel għadha trid tiġi żviluppata. Din għandha l-għan li tgħin biex jinkisbu riżultati aktar ekwi billi tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-iskejjel bi prestazzjoni baxxa. Tfal minn familji bi status soċjoekonomiku baxx, b’mod partikolari familji Rom, ma jgawdux minn opportunitajiet edukattivi indaqs, inkluż fit-tfulija bikrija. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali qed jiġu riformati, iżda l-kwalità u kooperazzjoni mas-sħab soċjali u kummerċjali mhumiex biżżejjed. L-edukazzjoni doppja għadha qed titnieda. Fl-edukazzjoni għolja, il-finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol.

(13)Aċċessibbiltà limitata, finanzjament baxx, l-emigrazzjoni ta’ professjonisti u eżiti tas-saħħa dgħajfa għadhom ta’ sfida ewlenija fis-sistema tal-kura tas-saħħa. Livell baxx ta’ kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa, inkluż il-kopertura pubblika baxxa tas-servizzi mediċi tal-outpatients u ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu, jagħmluha diffiċli għal xi wħud biex ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa. Miżuri reċenti, bħal kuntrattar selettiv ta’ servizzi ta’ sptar ibbażat fuq Mappa tas-Saħħa Nazzjonali, għandhom il-potenzjal li jtejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-ugwaljanza jekk jiġu implimentati b’mod sħiħ.

(14)Il-paga minima fil-Bulgarija, filwaqt li xorta waħda għadha l-aktar baxxa fl-UE, żdiedet b’mod sinifikanti mill-2011 ‘l hawn. Ftit li xejn sar progress fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu oġġettiv, minkejja l-qbil fuq il-kriterji milħuq bejn min iħaddem u t-trejdjunjins. In-nuqqas ta’ mekkaniżmu trasparenti, li jqis il-kriterji ekonomiċi u soċjali, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, u l-aspett istituzzjonali tal-applikazzjoni tagħhom, jista’ jipperikola l-bilanċ xieraq bejn l-objettivi ta’ sostenn għall-impjiegi u l-kompetittività u ssalvagwardjar tad-dħul mill-impjiegi. Minkejja xi tensjonijiet bejn is-sħab soċjali matul negozjati li fallew għal limiti fuq il-minimu tas-sigurtà soċjali tal-2017, id-djalogu soċjali fil-pajjiż għadu fis-seħħ.

(15)Is-sehem għoli ta’ persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għadu ta’ sfida ekonomika u soċjali prinċipali. Il-Bulgarija għadha l-aktar pajjiż fqir fl-UE u l-gruppi żvantaġġati, bħar-Rom, it-tfal, l-anzjani u l-persuni li jgħixu f’zoni rurali qed jintlaqtu b’mod sproporzjonat. Wara bosta snin ta’ titjib sostnut, ir-rata tar-riskju tal-faqar għall-anzjani marret għall-agħar b’mod sostanzjali. In-nisa anzjani jinsabu f’riskju partikolarment għoli ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali minħabba l-perjodu tipikament iqsar ta’ kontribuzzjoni tal-pensjoni. Filwaqt li s-sitwazzjoni relattiva tal-faqar tat-tfal tjiebet, il-livelli ta’ faqar f’dan il-grupp għadhom għoljin ħafna. Id-deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal qed iżżomm il-momentum tagħha bl-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni ġdid. Madankollu, il-proċess għadu lura għall-adulti u l-persuni b’diżabilità. L-inugwaljanza fl-introjtu tirrappreżenta problema sinifikanti u dejjem tikber. Il-proporzjon bejn l-introjtu ta’ 20 % tal-unitajiet domestiċi l-iktar sinjuri ma’ dak tal-ifqar 20 % żdied minn 6,1 fl-2012 għal 7,1 fl-2015 u huwa fost l-ogħla fl-UE. Fil-Bulgarija, id-differenza bejn l-inugwaljanza fid-dħul qabel u wara t-taxxi u t-trasferimenti soċjali hija fost l-iżgħar fl-UE. Is-sistema tal-protezzjoni soċjali, inkluża l-iskema ġenerali ta’ dħul minimu (li tikkonsisti minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ta’ kull xahar u minn benefiċċji għat-tisħin), ma tipprovdix livelli xierqa ta’ appoġġ. Il-kopertura ta’ persuni fuq il-benefiċċji soċjali għadha baxxa, minħabba li hija restrittiva ħafna. Il-livell tad-dħul minimu għadu baxx u qatt ma ġie aġġornat mill-2009 ‘l hawn u ma għandux mekkaniżmu trasparenti ta’ aġġustament.

(16)Miżuri biex titjieb is-sistema tal-akkwist pubbliku ġew stabbiliti iżda valur miżjud konkret tagħhom għadu jrid ifeġġ. L-implimentazzjoni xierqa u effiċjenti ta’ sistema ġdida ta’ kontroll ex ante bbażata fuq ir-riskju jeħteġilha tiġi żgurata. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rieżami tas-sistema tal-appell għadha problematika peress li rimedji effiċjenti huma fundamentali għall-implimentazzjoni ta’ proġetti importanti. Wara l-valutazzjoni, il-kapaċità amministrattiva tal-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku jkollha tiġi aġġustata biex tirrifletti l-funzjonijiet tal-Aġenzija. Barra minn hekk il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet kontraenti għandha tissaħħaħ, inkluż billi tibbaża fuq l-appoġġ ipprovdut mill-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku u mill-Korpi Ċentrali għall-Akkwisti għall-amministrazzjoni ċentrali, il-muniċipalitajiet u s-settur tas-saħħa. Il-ħidma għall-introduzzjoni tal-akkwist pubbliku elettroniku sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fl-akkwist pubbliku għadha trid titlesta. Is-salvagwardjar tal-imparzjalità tal-offerti pubbliċi u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess possibbli jibqgħu jkunu ta’ tħassib importanti. Minkejja r-riforma riċenti mmirata lejn li timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika, l-effettività u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi għadhom limitati. Fl-2016 tlestew għadd ta’ emendi legali biex jistabbilixxu l-qafas legali xieraq, iżda l-infurzar u l-implimentazzjoni effiċjenti u sistematika tagħhom huma diffiċli.

(17)Fl-2016 il-Bulgarija adottat riformi sinifikanti biex tindirizza t-tħassib li baqa’ jeżisti dwar l-indipendenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja tagħha. Madankollu, peress li dawn ir-riformi ġew adottati riċentament, huwa kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom. Hemm ħtieġa ta’ aktar passi f’għadd ta’ oqsma. Il-korruzzjoni wkoll għadha ta’ sfida ewlenija fil-Bulgarija u għadha tkun ta’ piż fuq l-investiment, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali. Fl-2015, l-awtoritajiet ippreżentaw strateġija ambizzjuża biex jiġġieldu l-korruzzjoni, iżda l-implimentazzjoni tagħha għadha fil-bidu tagħha. Il-politika tal-Bulgarija kontra l-korruzzjoni għadha mxekkla minn istituzzjonijiet dgħajfa u frammentati, rekord ħażin fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ livell għoli u nuqqas ta’ appoġġ parlamentari għal riforma. Skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, il-Bulgarija tirċievi rakkomandazzjonijiet fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Għalhekk dawn l-oqsma mhumiex koperti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-Bulgarija.

(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Bulgarija, u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2017. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Bulgarija fi snin preċedenti.

(19)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Bulgarija mistennija tkun konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(20)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 2 u 3 hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

1.Tkompli ttejjeb il-ġbir tat-taxxa u l-konformità tat-taxxa, inkluż permezz ta’ sett komprensiv ta’ miżuri lil hinn mill-2017. Tintensifika l-infurzar ta’ miżuri biex tnaqqas l-ekonomija informali, b’mod partikolari x-xogħol mhux iddikjarat.

2.Tieħu miżuri ta’ segwitu fuq ir-rieżamijiet tas-settur finanzjarju, b’mod partikolari dwar il-kuntratti tar-riassigurazzjoni, is-sorveljanza fil-livell ta’ grupp, l-assi li mhumiex faċilment stimabbli u l-iskoperturi għal partijiet relatati. Titjieb is-superviżjoni bankarja u mhux bankarja permezz tal-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni komprensivi, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi Ewropej. Tiffaċilita t-tnaqqis ta’ self korporattiv improduttiv li għadu għoli, bl-użu ta’ sett komprensiv ta’ għodod, inkluż billi taċċellera r-riforma tal-qafas tal-insolvenza u billi tippromwovi suq sekondarju funzjonabbli għas-self mhux produttiv.

3.Ittejjeb l-immirar tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni bejn l-impjiegi u s-servizzi soċjali għall-gruppi żvantaġġati. Iżżid l-għoti ta’ edukazzjoni ordinarja ta’ kwalità, b’mod partikolari lir-Rom. Iżżid il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa, tnaqqas l-pagamenti miċ-ċittadini nnifishom u tindirizza n-nuqqas ta’ professjonisti fil-kura tas-saħħa. F'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tistabbilixxi mekkaniżmu trasparenti għall-iffissar tal-paga minima. Iżżid il-kopertura u l-adegwatezza tad-dħul minimu.

4.Tiżgura implimentazzjoni effiċjenti tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Akkwist Pubbliku 2014–2020.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) COM(2017) 502 final..
(4) P8_ TA(2017)0038, P8_ TA(2017)0039, u P8_ TA(2017)0040.
(5) COM(2016) 725 finali.
(6) COM(2016) 728 finali.
(7) SWD(2017) 68 finali/3.
(8) COM(2017) 90 finali.
(9) L-Artikolu 23 tar-Regulation (EU) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(10) COM(2014) 494 finali.