IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2017
COM(2017) 506 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2017 tal-Estonja
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tal-Estonja
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2017 tal-Estonja
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tal-Estonja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-16 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kienu approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 Marzu 2017. Fis-16 ta' Novembru 2016, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, fejn l-Estonja ma ġietx identifikata bħala waħda mill-Istati Membri li teħtieġ analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. Dik ir-Rakkomandazzjoni kienet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta' Marzu 2017 u adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Marzu 2017.
(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hi l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, l-Estonja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tar-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro li hija riflessa fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.
(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għall-Estonja ġie ppubblikat fit-22 ta' Frar 2017. Ġie vvalutat il-progress tal-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Estonja lejn il-miri nazzjonali tagħha għal Ewropa 2020.
(4)Fit-28 ta’ April 2017, l-Estonja ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2017 u fl-4 ta’ Mejju 2017 l-Estonja ppreżentat il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tagħha tal-2017. Sabiex jiġu kkunsidrati l-interkonnessjonijiet tagħhom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġew ikkunsidrati fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) li jkopru l-perjodu 2014-2020. Kif previst fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi SIE, fejn huwa neċessarju l-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex jivvaluta u jemenda l-programmi rilevanti tiegħu tal-Fondi SIE. Il-Kummissjoni tat iktar linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.
(6)Attwalment l-Estonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2017 tiegħu, il-gvern baxxa l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju minn bilanċ strutturali għal defiċit ta’ 0,5 % tal-PDG. Il-gvern qed jippjana li jimxi minn bilanċ pożittiv tal-gvern ġenerali ta' 0,3 % tal-PDG fl-2016 għal defiċit ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017 u 0,8 % tal-PDG fl-2018. Skont l-istimi tal-Programm ta’ Stabbiltà, dan jikkorrispondi għal żieda strutturali ta’ 0,2% tal-PDG fl-2017 u defiċit ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2018, li jirrispetta l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta' żmien. Madankollu, fuq il-bażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat, id-defiċit huwa mistenni li jammonta għal 0,1 % tal-PDG fl-2017 u 0,9 % tal-PDG fl-2018, taħt l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta' żmien. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-dejn gross tal-gvern huwa mistenni li jibqa’ taħt l-10 % tal-PDG fl-2017 u fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji hu plawżibbli għall-2017 u l-2018, imma huwa favorevoli għall-aħħar snin tal-programm. Fl-istess ħin, hemm riskji marbutin mas-suppożizzjonijiet tar-rendiment tad-dħul relatati mal-miżuri varji ta’ taxxi ġodda li se jidħlu fis-seħħ fl-2018.
(7)Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, il-bilanċ strutturali huwa proġettat li jirreġistra defiċit ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2017, biex b’hekk jibqa’ ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta' żmien. Fl-2018, l-Estonja hija rrakkomandata li tibqa’ fl-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil fil-politika, hemm riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Estonja għandha tkun lesta biex tieħu iktar miżuri biex tiżgura l-konformità fl-2018.
(8)L-Estonja ħadet azzjoni biex tiżgura l-forniment u l-aċċessibbiltà ta’ servizzi ta’ kwalità għolja, inklużi servizzi soċjali fil-livell lokali bħala parti mir-riforma tal-gvern lokali tagħha. B’mod partikolari, l-Estonja adottat l-Att ta' Riforma Amministrattiva bil-għan li tagħmilha iktar faċli biex toħloq muniċipalitajiet lokali vijabbli li jistgħu jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess, biex tippjana l-iżvilupp u t-tkabbir u biex toffri servizzi ta’ kwalità. B’suċċess, lestiet il-fażi volontarja tal-fużjoni tal-muniċipalitajiet lokali u qed timplimenta l-Att ta' Assistenza Soċjali. Għadhom ma ttieħdux xi passi ewlenin biex titlesta r-riforma tal-gvern lokali. Ir-reviżjoni tal-iskema għall-finanzjament tal-muniċipalitajiet għadha pendenti. Iktar atti leġiżlattivi dwar ir-responsabilitajiet u d-diviżjoni bejn il-muniċipalitajiet u l-gvern ċentrali għadhom fi stadju ta’ tħejjija. L-adozzjoni ta’ dawn il-proposti hija kritika biex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-promozzjoni tas-saħħa u t-trasport.
(9)Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-Estonja niżlet minn 28,3 % fl-2014 għal 26,9 % fl-2015 imma xorta għadha l-ikbar waħda fl-Unjoni. Il-gvern qed jieħu passi biex jibqa’ jbaxxi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. B’mod partikolari, il-Pjan għall-Ħarsien Soċjali 2016-2023 ġie adottat u qed jiġi implimentat biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra s-sterjotipi. Il-modifika tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi sabiex l-ispettorati tax-xogħol jingħataw il-kompitu ta' monitoraġġ iktar fil-qrib tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur privat, għadha trid tiġi adottata. Ir-reviżjoni tas-sistema tal-liv għall-ġenituri biex jippermettu teħid iktar flessibbli tal-liv għall-ġenituri qed tiġi kkunsidrata wkoll. Il-bidla leġiżlattiva għadha ma ġietx adottata.
(10)In-nuqqas ta’ ugwaljanza fid-dħul fl-Estonja huwa għoli. Il-proporzjon ta’ dħul ta’ 20 % tal-unitajiet domestiċi l-iktar sinjuri ma’ dak tal-20 % tal-unitajiet domestiċi l-iktar fqar żdied minn 5,4 fl-2012 għal 6,2 fl-2015, u issa huwa s-seba’ l-ogħla fl-UE. Il-fattur ewlieni jidher li huwa d-differenza kbira fil-pagi b’riżultat taż-żieda kbira fid-dħul fost dawk b’ħiliet ogħla. F’termini assoluti, id-dħul tal-ifqar 10 % tal-unitajiet domestiċi waqgħu lura fit-tkabbir ta’ dħul medju, u b’hekk wassal għal problemi bl-adegwatezza tax-xibka tas-sikurezza soċjali. Fattur li jikkontribwixxi huwa li l-benefiċċji (b’mod partikolari l-pensjonijiet, l-assistenza soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad) mhux qed ilaħħqu mat-tkabbir fid-dħul tas-swieq. Dan irriżulta wkoll f’żieda gradwali fir-rata ta’ riskju ta’ faqar minn 15,8 % fl-2010 għal 21,6 % fl-2015. Saru sforzi sostanzjali biex is-sistema tat-taxxi ssir iktar progressiva mill-2018 ’l hemm, b’mod partikolari għal dawk bi dħul baxx, billi jgħollu l-provvediment bażiku tas-sistema ta’ tassazzjoni ġdida fuq l-introjtu personali.
(11)L-infiq tal-intrapriża tan-negozju fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni żdied għal 0,69 % fl-2015, imma l-livell globali tiegħu jibqa’ taħt il-medju tal-UE ta’ 1,3 %. Il-perċentwali ta’ kumpaniji ta’ teknoloġija għolja u ta’ kumpaniji ffokati fuq l-għarfien jibqa’ limitat u n-numru ta’ gradwati ġodda b’dottorat huwa baxx. Fl-aħħar snin, it-tkabbir fil-pagi qabeż it-tkabbir fil-produttività b’mod kostanti, affettwa l-profitti u b’hekk naqqas it-tkabbir fl-investimenti. Investiment imrażżan fl-iżvilupp teknoloġiku jista’ jikkawża l-valur miżjud tal-esportazzjonijiet, speċjalment ta’ prodotti, biex jiżdied inqas milli mistenni, u joħloq riskju għat-tkabbir fil-prodott. Il-volum ta’ riċerka b’kuntratt bejn l-akkademja u n-negozji żdied fl-2015. Madanakollu, il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ setturi baqgħet limitata minkejja l-miżuri li ħa l-gvern. L-Estonja tejbet l-ambjent tal-kummerċ tagħha, imma l-proċedimenti twal ta’ insolvenza u r-rata ta’ rkupru għal kredituri garantiti jibqgħu ostakli għall-investiment. Fl-2016 tnieda proġett biex jittejjeb il-qafas ta’ insolvenza biex il-proċess isir iktar mgħaġġel u iktar effiċjenti u biex titjieb ir-rata ta’ talbiet ta’ suċċess. Madankollu, emendi għall-qafas leġiżlattiv għadhom ma ġewx adottati.
(12)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Estonja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2017. Ivvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Estonja fis-snin preċedenti. Qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Estonja, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika ġenerali tal-UE bl-għoti ta' input fuq livell tal-UE f'deċiżjonijiet nazzjonali fil-ġejjieni.
(13)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà u l-opinjoni tiegħu huwa rifless, b’mod partikolari, fir-rakkomandazzjoni 1 isfel,
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2017 u fl-2018 biex:
1.Issegwi l-politika fiskali tagħha f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir li jimplika li għandha tibqa’ fl-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tagħha fl-2018. Tiżgura adegwatezza aħjar tax-xibka ta' sikurezza soċjali. Tieħu miżuri biex tnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, b’mod partikolari billi ttejjeb it-trasparenza fil-pagi u tevalwa s-sistema tal-liv għall-ġenituri.
2.Tippromwovi investiment fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, inkluż billi timplimenta miżuri għat-tisħiħ fil-kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President