IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.5.2017
COM(2017) 527 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2017 tar-Renju Unit
u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza 2017 tar-Renju Unit
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2017 tar-Renju Unit
u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza 2017 tar-Renju Unit
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9 u fl-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ir-Renju Unit ma ġiex identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.
(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2017 għar-Renju Unit ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Huwa vvaluta l-progress tar-Renju Unit fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Renju Unit lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta’ Ewropa 2020.
(3)Fil-21 ta’ April 2017, ir-Renju Unit ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 tiegħu u, fis-27 ta’ April 2017, ir-Renju Unit ppreżenta l-Programm ta’ Konverġenza 2017 tiegħu. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(4)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew ikkunsidrati fil-programmi tal-Istati Membri għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) li jkopri l-perjodu 2014-2020. Kif previst fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Fondi SIE, fejn dan ikun meħtieġ biex isostni l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jemenda l-programmi rilevanti tiegħu tal-Fondi SIE. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.
(5)Ir-Renju Unit huwa attwalment fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Jekk tkun inkisbet korrezzjoni f’waqtha u dejjiema fl-2016-17, ir-Renju Unit se jkun soġġett għall-fergħa preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u għar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2017-18. Fil-programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2017, il-gvern qed jistenna li d-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut fis-sena fiskali 2016-17, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ġunju 2015, b’defiċit nominali ta’ 2,7 % tal-PDG. Id-defiċit nominali huwa imbagħad mistenni li jiżdied bi ftit għal 2,8 % tal-PDG fl-2017-18, qabel ma jonqos għal 1,9 % tal-PDG fl-2018-19. Il-Programm ta’ Konverġenza ma jinkludix objettiv baġitarju fuq terminu medju. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG ġenerali tal-gvern huwa mistenni li jiġi stabbilit b’mod ġenerali għal madwar 87,5 % mill-2016-17 għall-2018-19 qabel ma jerġa’ jaqa’ għal 84,8 % tal-PDG fl-2020-21. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa favorevoli. Għalkemm il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ippjanati huma speċifikati sew b’mod ġenerali, ir-riskji negattivi għall-prospettiva makroekonomika joħolqu riskju għall-kisba tat-tnaqqis fl-iżbilanċ ippjanat.
(6)Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li r-Renju Unit itemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2016-17 u, wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, jikseb aġġustament fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2017-18 lejn l-objettiv baġitarju minimu fuq terminu medju. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, id-defiċit nominali huwa pproġettat li jkun laħaq 2,7 % tal-PDG fl-2016-17, f’konformità mal-mira rrakkomandata mill-Kunsill. Fl-2017-18, hemm riskju ta’ xi devjazzjoni mir-rekwiżit tal-parti preventiva.
(7)Fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tiegħu u b’mod partikolari l-livell tad-dejn tiegħu, ir-Renju Unit huwa mistenni li jkompli l-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Skont il-matriċi ta’ aġġustament miftehma b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ tkabbir nominali tal-infiq primarju tal-gvern nett li ma jaqbiżx 1,8 %. Dan ikun jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit matul il-perjodu 2017-18 u 2018-19 meħuda flimkien. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit huwa prima facie mhux imbassar li jkun konformi mar-regola tad-dejn transizzjonali fl-2017-18 iżda huwa previst li jikkonforma fl-2018-19. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Renju Unit irid ikun lest li jieħu miżuri ulterjuri sa mill-2017-18 biex ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u l-eżiti jinħtieġ li jqisu l-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, l-evalwazzjoni futura se jkollha bżonn tqis l-għan li tinkiseb pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali kif ukoll tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tar-Renju Unit. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel użu tal-marġini ta’ apprezzament applikabbli fid-dawl tal-qagħda ċiklika tar-Renju Unit.
(8)L-investiment privat kien b’mod konsistenti ferm taħt il-medja tal-UE u l-investiment pubbliku marġinalment iktar 'l isfel. Il-produttività hija ferm iktar baxxa mill-medja tal-G7 u staġnat mill-2008 'l hawn. Il-gvern qed jagħmel enfasi politika qawwija fuq iż-żieda tal-investiment biex tingħata spinta lit-tkabbir tal-produttività. Sfida ewlenija hija l-indirizzar ta’ nuqqasijiet sinifikanti fil-kapaċità u fil-kwalità tan-netwerks tal-infrastruttura tar-Renju Unit. Il-konġestjoni tat-toroq hija għolja u l-kapaċità ferrovjarja hija dejjem iktar inadegwata f’xi postijiet minħabba d-domanda li qed tikber rapidament. Hemm ukoll ħtieġa dejjem iktar urġenti għal iktar investiment f’kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista tal-enerġija. Il-Pjan Nazzjonali tal-Konsenja tal-Infrastruttura jistabbilixxi pjanijiet ambizzjużi biex itejbu l-infrastruttura ekonomika tar-Renju Unit u fl-2016 ittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ proġetti tat-trasport u l-enerġija. Madankollu, għad hemm tħassib dwar jekk l-investimenti pubbliċi u privati adegwati jistgħux jiġu żgurati sabiex jindirizzaw l-akkumulu tal-infrastruttura f’waqtu u b’mod kosteffettiv. Ir-Renju Unit għandu sfida ewlenija biex iżid il-provvista tad-djar. Nuqqas kroniku ta’ djar jikkontribwixxi għal prezzijiet għoljin tad-djar u dan iwassal għal kostijiet ekonomiċi u soċjali sinifikanti, b’mod partikolari madwar ċentri ta’ tkabbir ekonomiku. Is-sistema riformata ta’ ppjanar, u firxa ta’ strumenti kumplementari ta’ politiki tad-djar, flimkien huma kemxejn iktar ta’ appoġġ miżjud fil-kostruzzjoni residenzjali. Madankollu, għadd ta’ limitazzjonijiet fuq il-provvista tad-djar, inkluża regolamentazzjoni tas-suq tal-artijiet u l-bini residenzjali stretta u kumplessa ħafna, u l-provvista tal-akkomodazzjoni għadha mhix qed tlaħħaq maż-żieda fid-domanda.
(9)Iċ-ċifri ewlenin tas-suq tax-xogħol ikomplu x-xejra pożittiva, b’livell baxx ta’ qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ b’mod ġenerali. Madankollu, il-livelli ta’ inattività, part-time u impjiegi b’pagi baxxi għandhom lok għal titjib. Tkabbir fil-qligħ għadu modest, marbut ma’ tkabbir dgħajjef fil-produttività. Għad hemm tħassib dwar il-provvista tal-ħiliet, l-utilizzazzjoni u l-progressjoni. Kien hemm żviluppi sinifikanti ta’ politika li jiffukaw fuq il-ħiliet u l-progressjoni permezz ta’ riformi fl-edukazzjoni teknika u tal-apprendistat. Il-kwalità fl-apprendistati teħtieġ attenzjoni ffukata kemm fuq livell ta’ kwalifika mwettqa kif ukoll fil-qasam tas-suġġett li fuqhom hija bbażata. Rotot strateġiċi importanti oħrajn iffinanzjati għal titjib tal-ħiliet, b’mod partikolari għal persuni li għandhom iktar minn 25 sena, jistgħu jespandu l-offerta ta’ ħiliet disponibbli għall-Istat, lin-negozji u lil individwi li jfittxu li jimxu ‘l quddiem fil-karriera. Hemm ukoll sfidi relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal u kura soċjali, li jikkontribwixxu għar-rata għolja ta’ impjieg part-time tan-nisa. Riformi fil-kura tat-tfal sa issa kienu kostanti iżda gradwali. X'aktarx li jkun hemm avvanz b’introduzzjoni sħiħa ta’ xi inizjattivi fis-sentejn li ġejjin. Il-parteċipazzjoni ta’ tfal li jkollhom inqas minn tliet snin f’servizzi formali tal-indukrar tat-tfal hija relattivament baxxa. Filwaqt li l-miżuri reċenti jtejbu sa ċertu punt id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura tat-tfal għal tfal ta’ bejn tlieta (3) u erba' (4) snin, dawn ma jindirizzawx il-kwistjoni tal-forniment tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal għal tfal ta’ taħt it-tliet (3) snin. Bħala riżultat ta’ riformi u tnaqqis mħabbra qabel u li, b’mod partikolari għall-appoġġ fuq ix-xogħol, l-eżiti tal-politika soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal jista’ jiġi taħt pressjoni fi żmien qasir jew medju, b’mod partikolari f’kuntest ta’ inflazzjoni ogħla. In-numru ta’ tfal foqra li jgħixu f’unitajiet domestiċi ta’ ħaddiema hija ta’ tħassib partikolari.
(10)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Renju Unit fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(11)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta’ hawn taħt,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:
1.Isegwi l-politika fiskali tiegħu f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jissarraf fi tnaqqis sostanzjali tal-isforz fiskali għall-2018. Meta jieħu azzjonijiet politiċi, għandha tittieħed kunsiderazzjoni biex tinkiseb qagħda fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tar-Renju Unit.
2.Jieħu iktar passi biex iżid il-provvista tad-djar, inkluż permezz ta’ riformi fir-regoli tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Jindirizza l-ispariġġi tal-kompetenzi u jipprovdi għall-progressjoni tal-kompetenzi, inkluż billi jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-apprendistati u jipprovdi għal rotot ta’ progressjoni ffinanzjati oħra ta’ “Edukazzjoni Ulterjuri”.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President