7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/36 |
Artikolu 38
(ex Artikolu 25 TUE)
Bla preġudizzju għall-Artikolu 240 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, Kumitat ta’ Politika u Sigurtà għandu jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ dawk l-oqsma li huma koperti bil-politika estera u ta' sigurtà komuni u għandu jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ linji politiċi billi jagħti opinjonijiet lill-Kunsill fuq it-talba tal-Kunsill tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew b’inizjattiva tiegħu stess. Għandu jissorvelja wkoll l-implimentazzjoni tal-linji politiċi miftiehma, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tar-Rappreżentant Għoli.
Fil-qafas ta' dan il-Kapitolu, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet previsti fl-Artikolu 43.
Il-Kunsill jista’ jawtorizza lill-Kumitat, għall-finijiet u għaż-żmien ta’ l-operazzjoni sabiex issolvi l-kriżi, kif jiġi deċiż mil-Kunsill, sabiex jieħu d-deċiżjonijiet xierqa rigward il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-operazzjoni.