7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/15 |
PREAMBOLU
IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TAL-BEJĠJANI, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAD-DANIMARKA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, IL-PRESIDENT TA' L-IRLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ELLENIKA, IL-MAESTÀ TIEGĦU R-RE TA' SPANJA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-ALTEZZA RJALI TIEGĦU L-GRAN DUKA TAL-LUSSEMBURGU, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TA' L-OLANDA, IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA, IL-MAESTÀ TAGĦHA R-REĠINA TAL-GRAN BRITTANNJA U L-IRLANDA TA' FUQ (1),
DEĊIŻI li jirreġistraw stadju ġdid fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea li daħlu għalih bl-istabbiliment tal-Komunitajiet Ewropej,
ISPIRATI mill-wirt kulturali, religjuż u umanista ta' l-Ewropa, li minnu żviluppaw il-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-bniedem, kif ukoll il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u l-istat tad-dritt;
IFAKKRU l-importanza storika li jtemmu l-qasma tal-kontinent Ewropew u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sisien sodi għall-bini ta' l-Ewropa tal-ġejjieni,
JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-libertà, demokrazija u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u lejn l-istat tad-dritt,
JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali fundamentali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea iffirmata f’Torin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u fil-Karta Ewropea tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,
XEWQANA li jsaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom,
XEWQANA li jkomplu jkabbru il-funzjonament demokratiku u effiċjenti ta' l-istituzzjonijiet sabiex jgħinuhom iwettqu aħjar, fi kwadru istituzzjonali wieħed, kull ħidma fdata lilhom,
DEĊIŻI li jakkwistaw it-tisħiħ u l-konverġenza ta' l-ekonomiji tagħhom u li jistabbilixxu unjoni ekonomika u monetarja li tinkludi, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, valuta waħda u stabbli,
DETERMINATI li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, li jieħdu kont tal-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli u fil-kuntest tar-realizzazzjoni tas-suq intern u tat-tisħieħ tal-koeżjoni u tal-protezzjoni ambjentali, u għall-implimentazzjoni tal-politika li tassigura li l-avvanzi fl-integrazzjoni ekonomika jkunu akkompanjati bil-progress parallel f’oqsma oħra,
DEĊIŻI li jistabbilixxu ċittadinanza komuni għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tagħhom,
DEĊIŻI li jimplimentaw politika estera u ta’ sigurtà komuni inkluża l-formolazzjoni ta' politika komuni dwar id-difiża, li tista' twassal għal difiża komuni skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu42, u b’hekk isaħħu l-identità Ewropea u l-independenza tagħha sabiex jinkoraġixxu l-paċi, sigurtà u progress fl-Ewropa u fid-dinja,
DEĊIŻI li jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’persuni, waqt li jassiguraw il-ħarsien u s-sigurtà tal-popli tagħhom, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,
DEĊIŻI li jissuktaw il-proċess li joħloq għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta' l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun fil-qrib taċ-ċittadin skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà,
IN VISTA tal-passi ulterjuri li ser jittieħdu sabiex timxi 'l quddiem l-integrazzjoni Ewropea,
(lista ta' plenipotenzjarji mhux riprodotta)
(1) Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja saru wkoll membri ta' l-Unjoni Ewropea.