7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 203/47 |
Artikolu 194
1. Il-membri ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-membri tal-kumitati, l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Komunità, u l-persuni oħra li l-funzjonijiet tagħhom jew li r-relazjonijiet pubbliċi jew privati tagħhom ma' l-istituzzjonijiet jew faċilitajiet tal-Komunità jew ma' l-Impriżi Konġunti, jagħmluha meħtieġa għax-xogħol tagħhom li jakkwistaw jew jirċievu komunikazzjonijiet ta' xi fatti, informazzjoni, tagħrif, dokumenti jew materji li huma kklassifikati bis-saħħa ta' disposizzjonijiet maħruġa minn Stat Membru jew xi istituzzjoni tal-Komunità, għandhom, anki wara li jispiċċaw minn dawn il-funzjonijiet jew relazjonijiet, iżommu s-segretezza f'dak li għandu x'jaqsam ma' xi persuna mhux awtorizzata jew mal-pubbliku ġenerali.
Kull Stat Membru, għandu jikkonsidra kull ksur ta' din l-obbligazzjoni bħala vjolazzjoni tal-materji klassifikati tiegħu, li jkun suġġett f'dak li għandu x'jaqsam kemm mas-sustanza u l-ġurisdizzjoni, għad-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni tiegħu li tikkonċerna il-periklu għas-sigurtà ta' l-Istat jew il-kxif ta' sigrieti professjonali. Għandu, fuq talba ta' xi Stat Membru kkonċernat jew mill-Kummissjoni, jipproċedi kontra kull persuna li tkun ikkomettiet dak il-ksur fil-ġurisdizzjoni tiegħu.
2. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet kollha li jirregolaw it-territorji tiegħu il-klassifika u s-sigurtà ta' l-informazjoni, it-tagħrif, id-dokumenti jew il-materji li għandhom x'jaqsmu mal-qasam ta' l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat.
Il-Kummisssjoni għandha tassigura li dawn id-disposizzjonijiet ikunu kkomunikati lill-Istati Membri l-oħra.
Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi approprjati biex jiffaċilita t-twaqqif gradwali ta' sistema ta' ħarsien ta' sigurtà kemm jista' jkun possibbli uniformi u komprensiv. Il-Kummissjoni tista', wara li tikkonsulta l-Istati Membri kkonċernati, tagħmel xi rakkomandazzjonijiet għal dan l-iskop.
3. L-istituzjonijiet tal-Komunità u l-faċilitajiet tagħhom kif ukoll ta' l-Intrapriżi Konġunti, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet li jirrigwardjaw il-ħarsien tas-sigurtà li jkunu eżistenti fit-territorju li fih kull wieħed minnhom jkun jinsab.
4. Meta xi awtorizzazzjoni biex ikunu akwsitati xi fatti, xi informazzjoni, xi dokumenti jew xi materji li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma ta' l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat u protetti permezz ta' klassifikazjoni tkun ġiet mogħtija jew minn xi istituzzjoni tal-Komunità jew minn xi Stat Membru lil xi persuna nvoluta fl-attivitajiet fil-qasam ta' l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat, awtorizzazzjoni bħal dik għandha tkun rikonoxxuta minn kull istituzzjoni oħra u minn kull Stat Membru ieħor.
5. Id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx ikunu ta' l-ostakolu għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet speċjali li jirriżultaw minn ftehim konkluż bejn xi Stat Membru u pajjiż terz jew minn xi organizzazzjoni internazzjonali.